Filmat: Il-PN jinsisti li l-gvern mhux preparat fuq edukazzjoni u saħħa

F’isem il-Partit Nazzjonalista, id-deputati Clyde Puli u Stephen Spiteri insistew li l-preparamenti tal-gvern ma kinux biżżejjed fis-setturi tas-saħħa u tal-edukazzjoni hekk kif l-iskejjel fetħu f’nofs żieda inkwetanti fin-numru ta’ każijiet ġodda tal-Covid-19.

Puli u Spiteri, il-kelliema tal-partit għall-edukazzjoni u għas-saħħa rispettivament, indirizzaw konferenza tal-aħbarijiet fuq il-proposti li l-partit għamel dwar iż-żewġ setturi fid-dokument ta’ qabel il-budget.

Puli qal li l-budget mhux biss għandu jkun eżerċizzju ta’ management finanzjarju u viżjoni ekonomika iżda wkoll eżerċizzju ta’ leadership f’sitwazzjoni tal-isfida kbira li ġabet l-imxija tal-coronavirus. Però l-partit kien ferm inkwetat bin-numru ta’ każijiet tal-Covid-19, inklużi l-111 każ ġdid li tħabbru llum.

Id-deputat qal li kif kienu mħassba l-unions, l-edukaturi u l-ġenituri, hu wkoll kien imħasseb ferm peress li l-protokolli għall-edukazzjoni ħarġu tard u bdew jiġu implimentati tard. Kien hemm ukoll ittardjar fl-applikazzjonijiet għal min irid jagħmel il-kontenun għal Teleskola, b’Puli jistaqsi jekk hux minnu li min għażel li jibqa’ d-dar m’għandux online learning bil-kontenut li suppost.

Skont Puli, il-Ministeru tal-Edukazzjoni kien stinat li jiftaħ akkost ta’ kollox, u għadu mhux preparat biex joffri tagħlim ta’ kwalità jekk ikun kostrett jagħlaq l-iskejjel.

Żied li ħadd ma jista’ jifhem – u l-ministru ma jridx jgħid – x’inhu l-limitu ta’ riskju li meqjus aċċettabbli.

Min-naħa tiegħu, Spiteri wera tħassib fuq il-pressjoni li teżisti fuq is-sistema tas-saħħa, bi swali full-up u pazjenti li ma jkollhomx fejn jiġu rikoverati. B’hekk, żied jgħid, il-partit qed jipproponi investiment fil-prevenzjoni ta’ mard ieħur u fuq aktar preparamenti għal emerġenzi oħra li jistgħu jinqalgħu fil-ġejjieni.

Emfasizza wkoll il-bżonn li jiġu ssalvagwardjati l-anzjani u l-vulnerabbli, u qal li importanti li l-gvern ikompli jinvesti f’sistema ta’ contact tracing effiċjenti u aktar infurzar.