Filmat: “Il-PN ilu f’din in-niżla għal snin twal” – Caruana

Il-kandidat għal Membru Parlamentari Ewropew f’isem il-Partit Laburista Josef Caruana sostna li l-Partit Nazzjonalista ilu fit-triq tan-niżla għal snin twal.

Dan qalu f’kumment ma’ Newsbook.com.mt mis-sala tal-għadd tal-voti hekk kif issa il-ħin dejjem qed joqrob sabiex jiġu żvelati r-riżultati uffiċjali. Aktar kmieni, sorsi ta’ Newsbook.com.mt qalu li l-Partit Laburista se jtella’ erba’ siġġijiet fil-Parlament Ewropew, filwaqt li l-Partit Nazzjonalista jitlef wieħed u jtella’ żewġ siġġijiet. Intant jidher li Caruana hemm ċans li mhux se jkun elett bħala rappreżentant tal-Partit fil-Parlament Ewropew.

Caruana sostna li minkejja li kienet rebħa prevedibbli, xorta hija waħda storika. Qal li kien jirrakkonta u jgħid l-opinjoni tiegħu hija li l-Partit Nazzjonalista kien f’din id-direzzjoni u kien jaf li jekk mhux se jbiddel ir-rotta tiegħu kien se jispiċċa f’dak li sejjaħlu d-diżastru stratosferiku. 

AQRA: X’inhu għaddej fiċ-Ċentru tal-Għadd tal-Voti fin-Naxxar?

Sostna li l-kwistjoni hi li l-PN, jgħid kemm jgħid li se jiftħu l-bibien u jiftħu widnejhom, jemmen li se jibqa’ fl-istess direzzjoni. Tenna li tkun sfortuna għall-pajjiż li ma jkunx hemm oppożizzjoni li tkun denja u li tagħmel xogħolha kif huwa mistenni f’demokrazija normali. 

Propju fl-aħħar ħin, Newsbook.com.mt ġie infurmat bil-voti li s’issa jidher li kisbu l-kandidati li huma mistennija jiġu eletti. Għall-Partit Laburista hemm Miriam Dalli b’51,000 vot, Alfred Sant b’21,300, Alex Agius Saliba bi 15,000 u Josianne Cutajar bi 12,900. Intant mit-totali li tat il-Kummissjoni s’issa lill-aġenti tal-partiti jidher li dawk għall-Partit Nazzjonalista huma Roberta Metsola b’31,000 u David Casa b’16,500. Intant il-kwota hija dik ta’ 37,000 vot.