Filmat: “Il-PM u Ministri fost dawk fi gruppi li jinstigaw vjolenza” – Azzopardi

Id-deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi qal li l-Prim Ministru Joseph Muscat u xi Ministri qiegħdin fi gruppi li jinstigaw vjolenza.
Jason Azzopardi qal li investigazzjoni ta’ 6 xhur mill-portal TheShiftNews żvela l-eżistenza ta’ gruppi magħluqa (closed groups) fuq Facebook immexxija mill-Partit Laburista.
Spjega li l-membri jiġu approvati bit-tessera tal-Partit jew bil-karta tal-identità biex jinstigaw mibgħeda, vjolenza u aggressjoni fiżika kontra politiċi li m’humiex membri tal-PL jew persuni kritiċi tal-PL.
Fost dawn il-vittmi, Azzopardi semma lill-eks Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil, l-Ewroparlamentari David Casa u Roberta Metsola u l-Arċisqof ta’ Malta. Semma wkoll dak li kien ġie żvelat fuq Newsbook.com.mt li kien hemm gruppi apposta biex issir konfoffa dwar is-sit u dwar l-Arċisqof.
Azzopardi qal li agħar minn hekk, fost il-membri approvati tagħhom hemm il-persuni li llum jokkupaw l-ogħla karigi tal-Istat fosthom il- President tar-Repubblika, il-Prim Ministru, Ministri u Membri Parlamentari Laburisti. Semma wkoll kif żewg uffiċjali fil-Ministeru tal-Ġustizzja huma amministraturi ta’ żewġ gruppi minn dawn.
Spjega li mill-investigazzjoni li saret fil-portal, il-President ta’ Malta daħlet membru fi tnejn minnhom meta kienet membru parlamentari tal-Oppożizzjoni u l-ieħor f’Marzu tal-2013 meta l-Gvern rebaħ l-ewwel mandat tiegħu.
Huwa qal li minkejja li issa għaddew 24 siegħa mill-pubblikazzjoni ta’ din l-inkjesta ġurnalistika, il-President għadha ma ddisasoċjatx ruħha u ħarġet minn dawn il-grupp. 
Azzopardi appella lill-President Marie-Louise Coleiro Preca, li f’April tas-sena l-oħra sejħet għal liġi fuq is-cyber-bullying biex ma tibqax passiva, toħroġ minn dawn il-gruppi, tikkundannahom u kull min hemm warajhom, u pubblikament issejjaħ għall-Kummissarju tal-Pulizija biex jieħu passi kriminali kontra min sfaċċatament qed jikser il-Liġi Kriminali.