​Filmat: “Il-PM responsabbli biex jipproteġi l-Maltin” – Simon Busuttil

L-Eks Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil saħaq li l-Prim Ministru Joseph Muscat huwa responsabbli biex jipproteġi lill-Maltin, u li dak li qal dwar is-Saltna tad-Dritt (Rule of Law) fuq is-CNN m’għandu l-ebda sinifikat.  Dan hekk kif fi kliemu, is-Saltna tad-Dritt f’Malta ilha tikkollassa sistematikament f’dawn l-aħħar erba’ snin.
F’intervista fuq CNN ilbieraħ filgħaxija, Simon Busuttil qal li Joseph Muscat, li hu l-uniku persuna responsabbli għas-sigurtà tal-Maltin, falla li jagħmel dan, anzi fi kliemu kisser is-Saltna tad-Dritt.

“Qatt ma ġrat xi ħaġa bħal din f’Malta”
L-Eks Kap Nazzjonalista stqarr li f’Malta qatt ma ġrat xi ħaġa bħal din, u li xejn mhu se jibqa’ kif inhu.
Għall-mistoqsijiet tal-ġurnalista, Busuttil wieġeb li kien jaf lil DCG personalment, iżda li qatt ma qaltlu li tinsab imbeżża’.  Żied jgħid li jidher li qatt m’għamlet rapport lill-pulizija, għax dak li kienet tagħmel, kienet tagħmlu pubbliku.
Fisser, kif politikament kien jaqbel ħafna mal-linja tal-ħsieb tagħhom, b’mod partikolari dwar il-ġlieda kontra l-korruzzjoni.
“Daphne Caruana Galizia, simbolu tal-libertà tal-espressjoni”
Simon Busuttil qal li l-pajjiż kollu jinsab fi stat ta’ xokk li jħallik bla kliem.
Iddeskriva lil Caruana Galizia bħala simbolu tal-libertà tal-espresssjoni f’Malta. Fisser kif Malta tilfet il-vuċi tal-verità.
Stqarr li m’għandu l-ebda dubju li dan kien assassinju politiku, hekk kif qal li DCG kienet figura politika fil-pajjiż.
Simon Busuttil aħaq li bħala Kap tal-Oppożizzjoni, kellu jmur hu l-Qorti dwar il-Panama Papers, għax fi kliemu la l-Prim Ministru, la l-Kummissarju tal-Pulizija u lanqas l-Avukat Ġenerali m’għamel xejn dwaru.