Filmat: “Il-PM qisu b’nofs tbissima jitkellem dwar il-qtil ta’ ommi” – iben Daphne

Matthew Caruana Galizia, iben il-ġurnalista assassinata Daphne Caruana Galizia qal li f’intervista mas-CNN wara l-assassinju ta’ ommu, “il-Prim Ministru kien qisu qed jitkellem b’nofs tbissima”.
F’intervista mill-ġurnalista Christiane Amanpour, imxandra llejla fuq CNN, Matthew Caruana Galizia rreaġixxa għal silta minn intervista li saret mill-istess ġurnalista ma’ Joseph Muscat, ftit wara l-assassinju ta’ ommu.  F’din l-intervista Dr Muscat qal li se jara li ssir ġustizzja.
“Għalija jidher li ma jistax jaħbi s-sodisfazzjon li kien qed iħoss; wiċċu qisu b’nofs tbissima”, irrimarka Matthew.
Waqt l-intervista huwa rrakkonta mill-ġdid l-aħħar mumenti ta’ qabel inqatlet ommu.
Mistoqsi dwar il-laptop li kienet tuża ommu, Matthew qal li ma jafx fejn hu u li kieku jaf xorta ma kienx jgħaddih lill-awtoritajiet.
Sostna li l-ħajja tas-sorsi tagħha hija iktar importanti mill-għatx tal-Gvern biex ipattihielhom.
Min-naħa tiegħu, Paul, iben ieħor ta’ Daphne, qal li m’għandux problema li jgħid li mhux sodisfatt bl-andament tal-investigazzjoni dwar l-assassinju.
Stqarr li għalkemm l-arresti kienu pass importanti fl-investigazzjoni, ommu qatt ma kitbet fuq it-tliet akkużati fl-20,000 blogg tagħha. Insista li huma interessati f’min qatilha, “f’dawk li kienet tinvestiga”.