Filmat: Il-PM ma jiċħadx li jrid lil Konrad Mizzi jirriżenja

Read in English.

Il-Prim Ministru Robert Abela ma ċaħadx li hu direttament jew indirettament talab lill-eks Ministru Konrad Mizzi biex jirriżenja minn Membru Parlamentari. Abela kien qed iwieġeb mistoqsija ta’ Newsbook.com.mt waqt konferenza tal-aħbarijiet f’bini ta’ Transport Malta f’Ħal Lija.

Għall-mistoqsija diretta, il-Prim Ministru qal biss li ma kellimx lil Konrad Mizzi minn meta rritorna Malta t-Tlieta waranofsinhar. Għal dawn l-aħħar xhur Mizzi kien qiegħed joqgħod l-Ingilterra.

Sorsi għolja qrib il-Gvern kienu infurmaw lil Newsbook.com.mt li l-Prim Ministru ma kienx kuntent li Mizzi għadu membru tal-Parlament u kien wassal ix-xewqa tiegħu lill-eks Ministru. Din il-kamra tal-aħbarijiet kienet bagħtet imejl lil Mizzi biex jistaqsi għar-reazzjoni tiegħu iżda Mizzi ma kienx wieġeb. Il-fatt li l-Prim Ministru dar mal-mistoqsija jkabbar il-kredibbiltà tas-sorsi li tkellmu magħna.

F’risposti lil ġurnalisti oħra, Abela qal li min jaħseb li Mizzi rritorna Malta għax se jilħaq kummissarju tal-Pulizija Angelo Gafà huwa żbaljat. Il-Prim Ministru ddeskriva lil Gafà bħala bniedem ta’ integrità.

Angelo Gafà li bħalissa huwa l-Kap Eżekuttiv tal-Korp tal-Pulizija huwa l-għażla preferuta tal-Kabinett għall-ħatra ta’ Kummissarju. Sorsi infurmaw lil Newsbook.com.mt li d-Deputat Kummissarju Alessandra Mamo tpoġġiet it-tieni fil-lista.

F’Mejju l-NGO Repubblika talbet lill-Pulizija biex titlob għal mandat ta’ arrest Ewropew biex Mizzi jinġieb lura Malta u jkun akkużat b’abbuż ta’ poter, korruzzjoni, tixħim u ħasil ta’ flus.

Mizzi kien irriżenja minn Ministru għat-Turiżmu f’Novembru 2019 f’nofs il-kriżi politika li laqtet lill-pajjiż.

Huwa kien baqa’ Membru Parlamentari u kien instab li ngħata bil-moħbi kuntratt tal-konsulenza mal-Awtorità tat-Turiżmu bi ħlas ta’ €80,000 fis-sena. Kienet saret pressjoni mill-Prim Ministru Abela biex dan il-kuntratt jitħassar. Aktar tard iżda Abela kien ippropona li Mizzi jinħatar kap tad-delegazzjoni Maltija fl-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Koperazzjoni fl-Ewropa (OSCE). Din il-proposta ġabet magħha reazzjoni negattiva ħafna u l-Gvern reġa’ lura milli jwettaq din l-istess proposta.