Filmat: Il-PM isejjaħ lill-ħaddiema tal-Protezzjoni Ċivili bħala eroj

Il-Prim Ministru Robert Abela żar l-istazzjon tat-tifi tan-nar fix-Xemxija fejn sostna li l-ħaddiema tal-Protezzjoni Ċivili huma eroj li jaħdmu lejl u nar.

Fi stqarrija kien spjegat li Abela għamel din iż-żjara mal-Ministru għas-Sigurtà Nazzjonali Byron Camilleri. Huma segwew mill-qrib is-sessjonijiet ta’ simulazzjoni u taħriġ li kienu għaddejjin bihom il-ħaddiema. It-taħriġ kien jinkludi kif tikkordina ħidma ta’ salvataġġ, kif jersqu qrib u jidentifikaw materjali perikolużi u anke tifi tan-nar.

Id-Direttur tal-Protezzjoni Ċivili Emmanuel Psaila spjega lill-Prim Ministru kif dawn il-ħaddiema u oħrajn fi stazzjonijiet madwar Malta u Għawdex jirċievu taħriġ li jibqa’ għaddej is-sena kollha bil-għan li jkunu mħejjija aħjar għaċ-ċirkostanzi ta’ emerġenza li l-membri tad-Dipartiment jissejħu fuqhom.

Intant, kull sena jintbagħat grupp ta’ pumpiera l-Kanada sabiex jingħataw taħriġ f’kundizzjonijiet ta’ temp qawwi filwaqt li kull ħaddiem jingħata taħriġ tal-ewwel għajnuna.

Min-naħa tiegħu l-Ministru Byron Camilleri spjega kif dan ix-xogħol tista’ ssejjaħlu vokazzjoni għaliex jirrikjedi sagrifiċċju u ħin twil ’il bogħod mill-familja. Huwa qal li baqa’ ħafna xogħol xi jsir u l-Gvern kommess li jibqa’ jinvesti fil-ħiliet tal-ħaddiema.