Filmat: Il-PM jevita l-mistoqsijiet tal-ġurnalisti

Hu u ħiereġ minn Kastilja llejla, il-Prim Ministru Joseph Muscat evita li jwieġeb aktar mistoqsijiet mill-ġurnalisti.
Filwaqt li insista li m’għandux dokumenti dwar il-kumpanija Egrant “għax ma jeżistux”, qal lill-ġurnalisti biex jippubblikawhom huma.
Aktar kmieni l-ġurnalista Daphne Caruana Galizia kitbet fil-blogg tagħha li Michelle Muscat għandha ishma fil-kumpanija Egrant fil-Panama.
Il-Prim Ministru sejjaħ konferenza tal-aħbarijiet b’urġenza ftit wara li Caruana Galizia kitbet li hemm dokumenti fis-safe tal-Bank Pilatus f’Ta Xbiex, li juru li l-ishma f’Egrant huma miżmuma minn rappreżentanti ta’ Mossack Fonseca f’isem “Mrs Michelle Muscat”.
Huwa ddeskriva dak li kitbet Caruana Galizia bħala “l-akbar gidba li se tibqa’ mmarkata fl-istorja”.
Dr Muscat qal li hu u martu Michelle, se jiftħu libell kontra l-ġurnalista Daphne Caruana Galizia u l-istazzjonijiet tal-Partit Nazzjonalista.
Ritratt: Arkivji