Filmat: Il-PM jattendi s-Summit Ewropew

Il-Prim Ministru Joseph Muscat qed jattendi għas-Summit tal-mexxejja Ewropej li qed isir fi Brussell.
F’dan is-summit, il-mexxejja tas-27 pajjiż Membru tal-Unjoni Ewropea jridu jaqblu f’dawn il-jumejn dwar it-triq ‘il quddiem għall-perjodu tranżitorju li se jara lir-Renju Unit jħalli lill-Unjoni Ewropea, b’ħafna qed jgħidu li t-test ta’ kemm qed isir progress huwa s-summit ta’ Ġunju.
Il-Prim Ministru stqarr li kull ftehim li għandu jsir mar-Renju Unit għandu jsir dejjem f’sens sħiħ ta’ rispett lejn il-leġislazzjonijiet Ewropej u mhux ftehim li jmur kontrihom. 
Il-perjodu stabbilit għat-tranżizzjoni biex ir-Renju Unit iħalli l-Unjoni Ewropea huwa bejn id-29 ta’ Marzu tas-sena d-dieħla sa Diċembru 2020.
It-tema marbuta mas-summit tar-rebbiegħa hija l-ekonomija iżda ta’ din is-sena se jkun dominat ukoll mill-kummerċ, taxxi u tariffi, Brexit u l-attakk b’sustanza kimika f’Salisbury.
Mill-politika barranija, fuq l-aġenda hemm ukoll ir-relazzjonijiet mal-Istati Uniti minħabba t-tariffi mħabbra mill-President Trump fuq il-ħadid li jasal mill-pajjizi tal-blokk Ewropew, bl-Unjoni Ewropea diġa wissiet li lesta taġixxi jekk minn għada stess jiġu mposti dawn it-tariffi.
F’kummenti li ta l-Prim Ministru wara s-summit, qal li jinsab sodisfatt li mal-istess mejda li kienu qed jiltaqgħu l-mexxeja Ewropej biex jiddiskutu t-tkabbir tal-impjiegi u l-kompettività, huwa jmexxi wieħed mill-aktar pajjiżi li għandhom l-ikbar rata ta’ tkabbir ekonomiku u tkabbir fl-impjiegi fl-Unjoni Ewropea.
Filmati u Ritratt: OPM