Filmat: Il-PM fi Brussell għas-Summit dwar il-baġit Ewropew

Read in English.

Il-Prim Ministru Robert Abela jinsab Brussell fejn bħalissa għaddej Summit tal-Kunsill Ewropew bil-mexxejja Ewropej jiddiskutu l-Pjan Ewropew għar-Riġenerazzjoni kif ukoll il-baġit Ewropew għas-seba’ snin li ġejin.

Is-summit beda fl-10.30 ta’ dalgħodu fejn il-mexxejja Ewropej għandhom fuq l-aġenda l-hekk imsejjaħ New Generation EU, progrmam maħsub biex jagħmel tajjeb għall-problemi ekonomiċi li qed jiffaċċjaw għadd ta’ pajjiżi minħabba l-coronavirus.

Matul il-ġurnata l-mexxejja kellhom żewġ sessjonijiet ta’ diskussjoni, bil-laqgħat issa mistennija li jkomplu fi gruppi iżgħar sal-ħin tal-ikel fit-8pm.

Osservaturi Ewropej qed jgħidu li minħabba d-diverġenza u n-nuqqas ta’ qbil bejn xi pajjiżi, id-diskussjoni tista’ ma twassalx għal ftehim fl-aħħar tas-summit.

OLYMPUS DIGITAL CAMERA

Intant, id-Dipartiment tal-Informazzjoni għadu ma ħareġ l-ebda stqarrija dwar dan is-summit iżda f’rapporti fuq l-istazzjon nazzjonali u fuq l-istazzjon tal-Partit Laburista ntqal li l-mira ta’ Malta hija li l-ftehim aħħari jkun “wieħed ġust u jagħraf ir-realtà ta’ Malta”.

Il-Prim Ministru huwa akkumpanjat mir-Rappreżentant Permanenti għall-Unjoni Ewropea Marlene Bonnici. Bonnici reġgħet qed takkumpanja lill-Prim Ministru Malti fis-Summit Ewropew wara li hija kienet tokkupa din il-kariga bejn l-2012 u l-2018. Wara hija inħatret bħala l-Ambaxxatriċi Maltija għall-Ġermanja. Fl-aħħar ġimgħat hija reġgħet inħatret fil-kariga wara reshuffle fost l-Ambaxxaturi.