Filmat: Il-PL iddiskuta lil Schembri imma mhux lil Mizzi – Fearne

L-Amministrazzjoni tal-PL iddiskutiet lill-eks Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri imma mhux lill-Ministru Konrad Mizzi, skont il-kandidat għall-mexxej tal-Partit Laburista Chris Fearne.

Fearne, li huwa wkoll id-Deputat Prim Ministru, qal dan waqt intervista ma’ Newsbook.com.mt.

“Konrad Mizzi ssemma’ f’ħafna affarijiet imma s’issa xejn ma ġie ppruvat. Jekk jirriżulta li kien hemm xi ħaġa, il-partit għandu jagħmel dak li hemm bżonn jagħmel,” qal Fearne.

Fearne qal dan minkejja li Fr Joe fakkru fil-kumpaniji sigrieti ta’ Mizzi li ġew żvelati fl-iskandlu tal-Panama Papers. Grazzi għall-ġurnaliżmu investigattiv kien ġie żvelat li Mizzi kellu jdaħħal madwar €5,000 kuljum f’korruzzjoni b’rabta mal-kumpanija sigrieta 17 Black. Mizzi dejjem insista li qatt ma kiser il-liġi.

Fearne qal li l-PL m’għandux struttura interna li tevalwa każijiet bħal dawk ta’ Konrad Mizzi. Qal li dak li qabel kien jissejjaħ bħala l-Bord tal-Viġilanza u tad-Dixxiplina kien tneħħa minħabba tibdil li sar fl-istatut. Spjega li llum hija l-amministrazzjoni tal-partit li tħares lejn dawn il-każijiet u tiddeċiedi dwarhom.

Fi kliem Fearne jaf ma tkunx idea ħażina li l-PL jiddiskuti jekk għandux ikollu mekkaniżmu ta’ risk management. Jemmen li dan jista’ jkun mekkaniżmu li jekk ikun hemm xi ħaġa ħażina, is-sistema tinduna biha u twaqqafha qabel ma teskala s-sitwazzjoni.

Konrad Mizzi kien irreżenja mill-kariga ta’ ministru fis-26 ta’ Novembru waqt il-kriżi politika f’Malta.

Tista’ tisma’ l-intervista sħiħa minn hawn:
Filmat: Chris Fearne fuq Newsbook.com.mt