Filmat: “Il-PL ħaseb li kien se jġib l-istess riżultat ta’ 3 snin ilu” – Chris Said

Is-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista Chris Said qal ma’ Newsbook.com.mt li l-Partit Laburista ma kienx qed jistenna r-riżultat li l-Oppożizzjoni kisbet fl-aħħar elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali.
Said qal li kemm il-Prim Ministru Joseph Muscat kif ukoll esponenti ewlenin tal-Partit Laburista kienu qalu pubblikament li kienu qed jistennew li l-Partit Laburista jakkwista l-istess riżultat ta’ tliet snin ilu.
Chris Said qal li dan ma ġarax u minflok id-distakk bejn iż-żewġ partiti naqas bin-nofs.
Mistoqsi minn Newsbook.com.mt għaliex il-Partit Nazzjonalista qed jifraħ bir-riżultat meta ma rebaħx il-maġġoranza fl-elezzjoni tal-Kunsilli Lokali, Chris Said sostna li tliet snin ilu, id-distakk bejn iż-żewġ partiti kien ta’ 17% fejn il-Partit Laburista kien ġab 57% tal-voti filwaqt li l-Partit Nazzjonalista kien ġab 40%.
Enfasizza li fi żmien sentejn wara l-elezzjoni ġenerali dan id-distakk tnaqqas bin-nofs u l-bidla bdiet tinħass f’dawn l-aħħar xhur.
Chris Said qal li l-Partit Laburista ried jirbaħ il-lokalitajiet tal-Mosta u San Pawl il-Baħar iżda minflok kien il-Partit Nazzjonalista li kiseb il-maġġoranza.
Saħaq li nbidel ukoll ix-xenarju fin-nofsinhar u l-Oppożizzjoni żiedet ir-rappreżentanza f’Santa Luċija, Ħal Kirkop, Ħaż-Żebbuġ u Birżebbuġa, bil-kontra tal-elezzjoni ġenerali fejn il-Partit Nazzjonalista kiseb siġġu wieħed fl-ewwel erba’ distretti.
Ma’ Newsbook.com.mt, Chris Said qal li fil-ġranet li ġejjin, il-Partit Nazzjonalista se janalizza r-riżultat li nkiseb f’Għawdex.
Qal li l-preferenza f’Għawdex qed tkun differenti minn dik ta’ Malta u għalhekk trid issir analiżi tal-messaġġ li qed jibgħatu l-Għawdxin.