Filmat: Il-pitbull huwa arma li wieħed għandu jkun jaf kif jieħu ħsiebha – Pet Therapist

Il-klieb tar-razza Pitbull huma arma perikoluża li min irabbihom irid ikun jaf jieħu ħsiebhom sew. Dan qalitu Eleonora Capobianco, li hija Pet Therapist u Behaviourist f’intervista ma’ Newsbook.com.mt fid-dawl tal-każ riċenti fejn mara anzjana nqatlet wara li kienet attakkata minn klieb ta’ din ir-razza li bosta jlaqqmu perikoluża.

Capobianco, hija terapista tal-annimali li taħdem b’mod differenti. Minflok teduka lill-klieb waħedhom, ix-xogħol ta’ Capobianco huwa aktar edukazzjoni lill-familja jew il-persuna li tkun addottat kelb partikolari biex tgħallem lill-bniedem jifhem eżatt il-bżonnijiet u l-karatteristiċi partikolari tal-kelb li jkun adotta.

“Ir-razez tal-klieb inħolqu mill-bnedmin”

Capobianco fakkret kif ir-razez tal-klieb inħolqu mill-bnedmin u m’humiex xi ħaġa stabbilità min-natura. Irrimarkat li l-pitbull kienu magħżula bħala klieb effiċjenti biex joqtlu anke minħabb s-saħħa ta’ ġisimhom u l-forma ta’ ħalqhom. Qalet li għal din ir-raġuni wkoll dawn jintużaw bħala klieb għall-ġlied.

Sostniet li meta dawn kienu ġew identifikati bħala klieb magħmulin biex joqtlu, dawn ma baqgħux jagħrfu lill-klieb oħrajn bħala “klieb bħalhom stess”. Qalet li kieku jirrealizzaw dan, kien ikun ħafna aktar diffiċli għalihom biex joqtlu kelb ieħor. Kompliet tgħid li l-ebda kelb mhu permanentament aggressiv, iżda jista’ jispiċċa f’sitwazzjoni li tagħmlu aggressiv. Qalet li l-livell ta’ aggressività tvarja minn kelb għall-ieħor.

Spjegat kif il-klieb tar-razza Pitbull jgħarfu lill-bniedem u huma aktar leali lejh milli huma għal klieb oħrajn. Sostniet li din ir-razza ta’ klieb jemptizzw mal-bniedem, jikkomunikaw miegħu u jipproteġuh.

Qalet li sfortunatament ikun hemm sitwazzjonijiet fejn dawn il-klieb iħossuhom li xi ħaġa madwarhom mhix kif suppost jew jinsabu f’xi periklu, l-istint tagħhom jgħidilhom jattakkaw. Qalet li dawn jistgħu jkunu l-aktar klieb ħelwin u mansi, imma sfortunatament jekk jiġu f’sitwazzjoni fejn iħossu li xi ħaġa qed thedded is-sigurtà tagħhom, l-istint ma jħallihomx jikkontrollaw lilhom innifishom.

Irrimarkat li dan jista’ jidher eżempju meta jkun hemm klieb li jitħallew waħedhom mat-tfal. Qalet li għall-klieb, it-tfal huma kreaturi li diffiċli li wieħed jifhimhom jew ibassar x’se jagħmlu u b’hekk iżidulhom l-ansjetà.

Tgħidilna x’seta’ ġara…

Hi u titkellem dwar il-każ partikolari tal-anzjana ta’ 94 sena li nqatlet f’darha flimkien mal-kelb tagħha wara li kienu attakkati minn żewġ klieb tar-razza pitbull, Capobianco sostniet li hi m’għandhiex f’idejha l-fatti tal-każ, imma mill-esperjenza tagħha tista’ tagħti informazzjoni dwar x’seta’ ġara.

Qalet li l-fatt li kien hemm żewġt iklieb u mhux wieħed hija xi ħaġa relevanti. “Meta kelb ikun waħdu jirreġixxi b’ċertu mod. Meta kelb ikun fi grupp, id-dinamika tinbidel. Ġieli kelb ikun qed jipproteġi lill-kelb l-ieħor fil-grupp tiegħu. Jew inkella jekk wieħed isir aggressiv, l-ieħor jimitaħ,” qalet Capobianco.

Sostniet li hi taħseb li l-Pitbull kien se jattakka lill-kelb tal-anzjana li kien tar-razza Chihuahua u hi daħlet bejniethom biex tipproteġi lill-kelb. B’hekk spjegat li din spiċċat biex inqabdet fin-nofs u l-klieb attakkaw lilha wkoll. Spjegat li wisq probabbli l-klieb ma ridux jattakkaw lilha, imma meta jkunu f’dan l-istadju, il-klieb ma jibqgħux jaraw, jisimgħu u jxommu u jattakkaw kull ma jiġi quddiemhom.

“Jekk tidħol fin-nofs, huma se jweġġgħuk ukoll, anke jekk inti ma kontx fil-mira tagħhom,” insistiet Capobianco.

“Il-pitbull nikkunsidrahom bħala arma. Kull kelb huwa arma, minkejja li differenti. Wieħed għandu jkun jaf kif jieħu ħsieb din l-arma. Imma jekk iżżommhom siguri u tkun taf kif għandek iġġib ruħek magħhom u tieħu ħsiebhom, il-pitbull huma fost l-aħjar klieb li jista’ jkollok,” kompliet tgħid.

Kelb aggressiv għandek traqqdu?

“Bħall-bniedem, kelb għandu jingħata ċ-ċans għar-rijabilitazzjoni. Il-problema hija jekk ma jkun hemm ħadd li jieħu r-responsabbiltà biex jirriabilità l-kelb,” insistiet Capobianco.

Hi rrakkuntat l-esperjenza tagħha ma kelb li kien attakka tliet persuni u spiċċa f’kennel. Spjegat li hawn kienet għamlet perjodu tieħu ħsiebu hi. Għax kienet taf kif għandha tmur mal-kelb, il-kelb kien kuntent u fl-ebda ħin ma kien aggressive magħha għal ġimgħatejn sħaħ. Qalet li darba mbagħad kien hemm persuna li daħlet fil-kennel fejn kien hu, f’ħin mhux tas-soltu u lilu fixlitu, speċjalment ukoll għax hu ma kienx jaf lil din il-persuna u hu attakka. Capobianco kienet daħlet bejniethom u minkejja li x’aktarx il-kelb attakka biex jipproteġi lilha, weġġa’ lilha wkoll. Qalet li dan wassal biex meta hi kienet l-isptar is-sidien tal-kennel ħadu d-deċiżjoni li jraqqduh.

Sostniet li meta jkollok kelb hekk, trid tkun ċert li l-persuna li se tadotta kelb bħal dan tkun kapaċi tieħu ħsiebu u timxi skont il-karattru tal-kelb.

“Ma nraqqadx lil dawn il-pitbulls għax ma kienx it-tort tagħhm, kien inċident. Imma min-naħa l-oħra jrid ikollok xi ħadd responsabbli u kapaċi jieħu ħsieb lil dawn il-klieb. M’hemmx bżonn ikun dog trainer, imma persuna normali li lesta li tgħaddi minn taħriġ mal-kelb biex tkun tista’ tieħu ħsiebu,” qalet Capobianco dwar iż-żewġ pitbulls. Qalet li tifhem iżda li din hija xi ħaġa li mhux kulħadd jista’ jagħmel.