Filmat: Il-PD joġġezzjona għal żieda ta’ 5 sulari fl-AUM

Id-Deputat Mexxej tal-Partit Demokratiku Timothy Alden qiegħed joġġezzjona għal estensjoni proposta għall-Università Amerikana ta’ Malta fil-Kottonera (PA7496/16), li titlob li jiżdiedu 5 sulari u ssir pixxina fuq il-bejt.

L-applikazzjoni mressqa quddiem l-Awtorità tal-Ippjanar tinkludi żieda ta’ 5 sulari, u anke spazju pubbliku li jinkludi pixxina. Skont il-Partit Demokratiku, dan il-post huwa ta’ valur storiku, minħabba r-rabta tiegħu mal-Kavallieri tal-Ordni ta’ San Ġwann. B’dan il-bini, qed jiġi propost li jsir tibdil għall-binjiet b’rabta mal-Kavallieri, fosthom billi jinqerdu s-soqfa bix-xorok tal-qasba.

Il-PD qal li wasal iż-żmien li jintervjeni s-Supretendent tal-Patrimonju Kulturali sabiex jitlob għall-istudji arkeoloġiċi neċessarji qabel ma tiġi proċessata l-applikazzjoni.

Ftehim mal-Università ta’ Arkansas

Intant, ġie ffirmat ftehim bejn l-Università ta’ Arkansas u l-Università Amerikana ta’ Malta sabiex iż-żewġ istituzzjonijiet jikkollaboraw u joffru programmi akkademiċi ta’ lawrja doppja. Il-Prim Ministru Joseph Muscat u l-Ministru għall-Edukazzjoni Evarist Bartolo ltaqgħu ma’ delegazzjoni miż-żewġ istituzzjonijiet.

DOI: Kevin Abela