Filmat: Il-PD b’kandidat ġdid għall-elezzjoni tal-MEPs

Il-Partit Demokratiku ħabbar it-tieni kandidat tiegħu għall-elezzjonijiet tal-2019 tal-Parlament Ewropew, Martin Cauchi Inglott.

Fi stqarrija mill-PD, Cauchi Inglott sostna li huwa kburi li wara li serva lil Malta għal kważi 30 sena fil-Forzi Armati, u li jkun onorat jekk jitħalla jkompli jservi fil-Parlament Ewropew. Spjega li ddeċieda li jidħol fil-politika biex jaħdem għal Malta aħjar u jemmen li l-fażi li jmiss fis-servizz tiegħu lejn pajjiżu huwa li jirsisti favur governanza tajba. Cauci Inglott spjega li jekk jiġi elett fil-Parlament Ewropew se jiffoka fuq il-migrazzjoni.

Il-Kap tal-PD Godfrey Farrugia, ikkummenta Cauchi Inglott ġie approvat wara proċess intern li kien jinkludi intervisti ma’ bord ta’ skrutinju. Cauchi Inglott daħal mal-PD kmieni din is-sena u kien appuntat Assistent Segretarju Ġenerali f’Mejju. Bħalissa jservi bħala Segretarju Ġenerali tal-PD u jkompli f’din il-kariga tul il-kampanja elettorali.