Filmat: Il-PBS jiġġustifika l-filmati ta’ qtil u inċidenti fl-aħbarijiet

Il-Kap tal-Bord Editorjali tal-PBS Joe Sammut jgħid li ma kien hemm xejn eċċessiv għax fl-aħbarijiet ixxandar il-filmat bix-xena tal-qtil ta’ pulizija fil-massakkru ta’ Pariġi.
Ma’ Newsbook.com.mt, Sammut qal li mkien ma deher sfreġju jew dmija.
Fl-istess waqt qal li jaqbel ma’ dak li qalu fuq il-programm Newsbook fuq RTK, l-espert tal-midja Fr Joe Borg, id-Dekan tal-Fakultà tal-Midja u l-Komunikazzjoni Prof. Saviour Chircop u l-eks editor ta’ The Sunday Times Laurence Grech.
Dawn sostnew li f’każi simili, wiċċ il-vittmi għandu jiġi mċajpar.
Skont Sammut, “ħadd ma jista’ jgħid li fis-servizzi msemmija kien jidher wiċċ ta’ xi vittma.”
Iddeskriva dan il-filmat bħala wieħed “b’att vjolenti eċċezzjonali li xxandar fuq kull stazzjon mad-dinja kollha.”
Madanakollu fuq l-istazzjon nazzjonali wiċċ il-pulizija ma tgħattiex, u saħansitra ntuża fl-introduzzjoni tal-aħbarijiet mingħajr pre-avviż.  
Dan għal kuntrarju ta’ kif ġara fuq l-istazzjonijiet internazzjonali fosthom Sky u CNN li ċajpru jew li neħħew ix-xena tal-qtil makabru.
Dwar il-filmati tal-inċident fatali f’Tas-Sliema ta’ nhar it-Tnejn li għadda fejn deher laħam imċarrat mal-karozza, Joe Sammut qal li f’dan il-każ ittieħdu l-prekawzjonijiet kollha biex fl-ebda ħin ma deher il-vittma, ħlief mgħotti b’liżar.
Il-Kap tal-Bord Editorjali nsista li l-iskop ċertament mhux sensazzjonali. Żied jgħid li x-xandir ta’ aħbar lanqas għandu jnaqqas milli jwassal lit-telespettaturi s-serjetà tal-każ li jkun. 
Spjega li “permezz tax-xandir tal-fatti u l-filmati jitwassal messaġġ, li sakemm ma jkunx imżejjen jew manipulat, u sakemm jittieħdu l-kunsiderazzjonijiet etiċi, ħadd ma jista’ jgħid li dak huwa ġurnaliżmu sensazzjonali.”
Jgħid ukoll li fid-deċiżjoni li jittellgħu filmati ta’ dan it-tip jiġi kkunsidrat li jistgħu jarawhom it-tfal.