Filmat: Il-Partit Nazzjonalista qed jissaħħaħ biex ikun alternattiva għall-PL – Bernard Grech

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech qal li l-Partit Nazzjonalista qiegħed jissaħħaħ biex ikun alternattiva għall-Gvern Laburista u jilħaq l-aspirazzjonjiet tan-nies. Huwa qal dan waqt laqgħa virtwali mal-President tal-Partit Popolari Ewropew (PPE) Donald Tusk.

Matul din il-laqgħa ġie diskuss ukoll l-imigrazzjoni u kif l-Unjoni Ewropea trid issib soluzzjonijiet għas-sitwazzjoni fil-Mediterran u fin-nofsinhar tal-Ewropa.

Grech fakkar li għada huwa t-tielet anniversarju mill-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia u żied li s-saltna tad-dritt u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni tibqa’ prijorità għall-PN.

Min-naħa tiegħu Tusk feraħ lil Grech u awguralu fil-ħidma tiegħu bħala Kap tal-Partit Nazzjonalista u Kap tal-Oppożizzjoni. Tusk tkellem dwar l-importanza li l-moralità fil-politika tibqa’ tiġi osservata.

Preżenti wkoll għal din il-laqgħa kien hemm il-Kap tad-Delegazzjoni tal-Partit Nazzjonalista fil-Parlament Ewropew Roberta Metsola u s-Segretarja Internazzjonali tal-Partit Nazzjonalista Roselyn Borg Knight.