Filmat: “Il-Parlament aġġornat biex ma niddiskutux l-abort” – PN; “Sar farsa” – Farrugia

Il-Partit Nazzjonalista qal li l-Gvern ħassar is-seduti tal-Parlament meta kienet se tibda d-diskussjoni dwar il-protezzjoni tal-embrijuni, għax ippanikja. Il-Kap tal-Partit Demokratiku Godfrey Farrugia qal li l-Parlament sar farsa f’idejn il-Prim Ministru.

Min-naħa tal-Partit Nazzjonalista, tkellmu l-Viċi Kap tal-PN għall-Affarijiet Parlamentari David Agius, il-Whip Robert Cutajar u l-Kelliem tal-Oppożizzjoni dwar ir-Riformi fis-Servizz Pubbliku Karol Aquilina waqt konferenza tal-aħbarijiet.

David Agius qal li l-Gvern għafas il-buttuna tal-paniku għax għandu dahru mal-ħajt u jinsab f’paniku. Kompla jgħid li l-Gvern qed jaħrab minn dibattitu dwar il-ħajja u ħassar kollox għal wara l-elezzjonijiet mingħajr avviż jew konsultazzjoni mal-Oppożizzjoni, u kontra dak li kien miftiehem fil-House Business Committee.

Permezz ta’ din l-azzjoni tal-Gvern, tħassru dibattiti dwar il-protezzjoni tal-embrijuni, l-ippjanar u l-ambjent. Il-Gvern ħassar sitt seduti u l-mistoqsijiet parlamentari. Fost dawn is-seduti, seduta minnhom kellha tkun iddedikata lill-Oppożizzjoni, u din il-mossa Agius sejħilha “inaċċettabbli f’demokrazija.” Robert Cutajar qal li lanqas l-Uffiċċju tal-Ispeaker ma kien infurmat b’dan. Karol Aquilina fakkar li l-ħidma fil-Parlament timxi bil-kunsens taż-żewġ naħat u kif wara li l-Gvern javviċina lill-Oppożizzjoni bl-aġenda tiegħu, isir ftehim.

“Il-Parlament sar farsa” – Farrugia

F’isem il-Partit Demokratiku, il-Kap tal-Partit Godfrey Farrugia qal li bħala eks Whip, jaf kif isiru l-affarijiet, u jifhem li kellu jkun hemm skop biex jiġi xoljut il-Parlament. Farrugia qal li l-Gvern kellu raġuni ulterjuri. Farrugia qal li ilu jinnota l-attendenza fqira fil-Parlament, bil-mod kif il-Gvern xtara l-bank ta’ wara tan-naħa tal-Gvern, u għax il-Gvern jinjora l-kelma tal-PD u tal-PN.

Farrugia qal li l-Parlament sar farsa f’idejn dak li hu sejjaħ il-Maestro, il-Prim Ministru. Qal li dan ikompli juri kemm f’Malta s-separazzjoni tal-poter hija dgħajfa.