Filmat: Il-Papa se jibda jwassal il-messaġġ tiegħu b’filmat kull xahar

Il-Papa Franġisku se jibda jxandar l-intenzjonijiet tiegħu ta' kull xahar permezz ta' filmati. L-għan tiegħu hu li jilħaq iktar nies b’mod iżjed modern u effettiv.
Il-kliem li jagħti l-bidu għall-ewwel filmat jiddeskrivi kif ħafna mill-abitanti tad-dinja jiddikjaraw lilhom infushom bħala nies ta' fidi u dan għandu jwassal għal djalogu bejn reliġjonijiet differenti. Huwa jħeġġiġna biex ma nieqfu qatt nitolbu għal dan id-djalogu u għall-kollaborazzjoni ma’ nies li jaħsbuha differenti.
Il-filmat ikompli bil-preżentazzjoni ta’ din ir-realtà quddiem għajnejna bid-dehra ta' erba’ persuni li jħaddnu twemmin differenti; Lama, Rabbi, saċerdot Kattoliku u mexxej Iżlamiku. Kull wieħed itenni b’att ta’ fidi li jemmen f’alla tiegħu. Huwa jsostni li kulħadd ifittex u jiltaqa’ ma’ Alla b’mod differenti.
F’din id-diversità, il-Papa jtenni li lkoll kemm aħna ulied Alla.
Il-filmat ikompli b’messaġġ ta’ mħabba billi kull rappreżentant ta' reliġjonijiet differenti jiddikjara li jemmen fl-imħabba.
Il-Papa jagħlaq il-messaġġ tiegħu b’tama li t-talba tiegħu tixxandar matul dan ix-xahar: “Li d-djalogu sinċier bejn in-nisa u l-irġiel ta’ twemmin differenti jista’ jipproduċi l-frott tal-paċi u tal-ġustizzja.” 
Dan il-proġett sar b'inizjattiva ta’ La Red Mundial de Oració u kien immexxi mill-aġenzija La Machi Communications f’kollaborazzjoni ma’ Rome Reports  u ċ-Ċentru Televiżiv tal-Vatikan.