Filmat: Il-Papa jappella lill-awtoritajiet juru solidarjetà mal-immigranti

Wara l-Anġelus fil-festa tal-Epifanija, il-Papa Franġisku għamel appell lill-awtoritajiet Ewropej biex juru solidarjetà mad-49 persuna li jinsabu bejn sema u ilma jistennew li jidħlu f’port sigur.

Il-Papa Fraġisku qal, “Għeżież ħuti. Għal diversi jiem 49 persuna salvati fil-Baħar Mediterran jinsabu abbord żewġ bastimenti ta’ għaqdiet mhux governattivi fit-tfittxija ta’ port ta’ kenn fejn jinżlu. Nagħmel appell urġenti lill-mexxejja Ewropej biex juru solidarjetà konkreta lejn dawn in-nies.”

Dwar l-istess immigranti, il-Prim Ministru qal dalgħodu li Malta m’għandhiex terfa’ piż li mhuwiex responsabbiltà tagħha. 

L-Arċisqof Charles Scicluna qal li d-49 migrant li bħalissa jinsabu fil-baħar Mediterran qed isofru “inġustizzja kbira”, waqt żjara li għamel fuq il-bastiment Lifeline li għadu maqbud minħabba każ fil-Qorti wara li kien salva 234 immigrant irregolari. 

Fit-2 ta’ Jannar, Sea-Watch 3 b’49 immigrant abbord ingħata permess mill-awtoritajiet Maltin biex jistkenn 3 mili nawtiċi ‘l bogħod minn Malta minħabba t-temp qalil.