Filmat: Il-Papa jappella għar-rispett mal-wasla tiegħu fi Sri Lanka

Mal-wasla tiegħu fi Sri Lanka, il-Papa Franġisku appella għar-rispett tad-drittijiet tal-bniedem, l-inklussività u t-tfittxija għall-verità.
Waqt id-diskors tiegħu fuq barra tal-ajruport internazzjonali ta’ Kolombo, il-Papa qal li l-paċi tista’ tinstab biss billi jiġu kkultivati l-virtujiet li jwasslu għar-rikonċiljazzjoni, is-solidarjetà u l-paċi.
Żied jgħid li t-twaqqif mill-ġdid tas-Sri Lanka kien ifisser aktar minn sempliċiment titjib fl-infrastruttura. Dan għax ġiet promossa d-dinjità tal-bniedem, ir-rispett għad-drittijiet, u inklużjoni sħiħa ta’ kull membru tas-soċjetà.
Saħaq dwar l-importanza tat-tfittxija għall-verità, mhux biex jinfetħu feriti antiki, imma bħala ħtieġa biex jiġu promossi l-ġustizzja, il-fejqan u l-għaqda.
Waqt iż-żjara ta’ sitt ijiem fil-kontinent Ażjatiku, il-Papa se jżur il-Filippini, fejn mistenni jikkonċelebra quddies fl-apert.
Din hija l-ewwel żjara ta’ Papa fi Sri Lanka, wara li fl-2009 ġiet fi tmiemha 40 sena ta’ gwerra ċivili.
Il-President il-ġdid tal-pajjiż wiegħed li se jaħdem biex ma tkomplix tikber ir-ripressjoni tal-minoritajiet reliġjużi.