Filmat: Il-Papa Franġisku jsellem lill-Abbatini Maltin

Waqt l-udjenza ġenerali ta’ nhar l-Erbgħa, il-Papa Franġisku ltaqa’ u sellem lill-ewwel grupp ta’ abbatini Maltin li kienu l-Vatikan għas-servizz fil-Bażilika ta’ San Pietru.
Hija tradizzjoni antika li matul ix-xahar ta’ Awwissu, meta l-abbatini Taljani jkunu bil-vaganzi, żewġ gruppi ta’ abbatini Maltin jitilgħu fil-Vatikan biex jgħinu fil-Bażilika ta’ San Pietru.
Ma’ Newsbook.com.mt Dun Anthony Fitzpatrick, li kien qed jieħu ħsieb il-grupp tal-Abbatini, iddeskriva l-esperjenza tiegħu u tal-abbatini bħala waħda li se tibqa’ mmarkata f’qalbhom.
Dun Anthony spjega li waqt li kien dieħel fis-Sala Papa Pawlu VI, il-Papa waqaf quddiem l-abbatini Maltin isaqsihom minn fejn huma.
Uħud minnhom żammew f’idejhom il-faxxa, li l-abbatini Maltin li jkunu telgħu l-Vatikan jilbsu waqt is-servizz liturġiku, biex iberikilhom il-Papa.
Aktar tard waqt li sellem lill-dawk ta’ lingwa Ingliża, il-Papa semma’ lill-abbatini Maltin u rringrazjahom għas-servizz tagħhom.
Dun Anthony spjega li l-abbatini kienu jinżlu kmieni filgħodu fil-Bażilika ta’ San Pietru biex jieħdu ħsieb jarmaw u jixgħelu l-artali filwaqt li gruppi oħra jieħdu ħsieb jippreparaw il-kalċijiet u l-ilbies liturġiku li jintuża waqt il-Quddiesa.
Wara li jgħinu l-Quddiesa, l-abbatini kellhom ċans iduru diversi postijiet kulturali f’Ruma u anke jqattgħu xi ħin jilgħabu flimkien.
Il-preparazzjoni biex abbati jitla’ fil-Vatikan tibda minn xhur qabel u tikkonsisti f’żewġ eżamijiet. Dan biex l-abbatini jitgħallmu xi jfissru l-affarijiet liturġiċi u anke jwieġbu l-Quddiesa bit-Taljan u bl-Ingliż.