Filmat: Il-Palestinjani jinżlu fit-toroq jipprotestaw kontra Trump

Il-Palestina tinsab għaddejja minn protesti kontra Donald Trump u l-fatt li rrikonoxxa lil Ġerusalemm bħala l-belt kapitali ta’ Iżrael. Huwa mistenni li jmexxi wkoll l-ambaxxata Amerikana minn Tel Aviv għal Ġerusalemm fix-xhur li ġejjin.
Din id-deċiżjoni qajmet kontroversja kbira fit-territorji Palistenjani tant li l-armata Iżraeljana ħarġet għall-protestanti bil-gass tad-dmugħ u balal tal-lasktu.
Skont siti internazzjonali, waqt il-protesti ndarbu tal-inqas sebgħa żgħażagħ, u mhux esklużi tfal żgħar.
Eluf ta’ Palestinjani pparteċipaw f’marċi madwar il-Palestina kollha, fix-Xatt tal-Punent, l-Istrippa ta’ Gaża u fil-Lvant ta’ Ġerusalemm.
Il-mexxejja Palestinjani ordnaw strajk ġenerali madwar it-territorji Palistenjani kollha.

Ilbieraħ, il-Prim Ministru Joseph Muscat, qal li l-Gvern ma jaqbilx li l-Ambaxxata Amerikana timxi minn Tel Aviv għal Ġerusalemm, u lanqas li Ġerusalemm tkun rikonoxxuta bħala l-kapitali ta’ Iżrael. 
Iktar tard, fi stqarrija, il-Gvern Malti sostna li s-soluzzjoni għandha tkun li l-Punent ta' Ġerusalemm tingħata lill-istat ta' Iżrael, li diġà jeżisti, u l-Lvant tal-belt imur għand il-Palestinajni meta jkollhom l-istat sovran tagħhom.
Anki l-Partit Nazzjonalista ma qabilx mal-President Amerikan, u sejjaħ id-deċiżjoni tiegħhu bħala waħda fid-direzzjoni żbaljata u li se xxekkel il-proċessi għall-paċi fir-reġjun.
Il-President Amerikan, Donald Trump, irrikonoxxa lil Ġerusalemm bħala l-kapitali tal-Iżrael f’diskors li agħmel iktar kmieni din il-ġimgħa. 
Dil-mossa tal-President Donald Trump qalbet ta’ taħt fuq dak kollu li sar qablu minn presidenti oħra, fil-fatt l-Amerka hija ukoll l-ewwel pajjiż li rrikonoxxa lil Ġerusalemm bħala tali minn kemm ilu jeżisti Iżrael bħal stat, jiġifieri mill-1948.
Issa li Trump irrikonoxxa lill-belt bħala l-belt kapitali ta’ Iżrael, dan se jagħti ħafna aktar qawwa lill-Iżraeljani sabiex jokkupaw aktar djar fejn bħalissa hemm il-Palestinjani fil-Lvant tal-belt.
Filmat: BBC