Filmat: “Il-paċi trid tinbena fuq il-verità u l-ġustizzja” – L-Isqof Awżiljarju

L-Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi sostna li wieħed ma jistax ikollu l-paċi jekk ma jkunx hemm verità u ġustizzja.

L-Isqof kien qed jiġi intervistat minn George Cassar fuq 103 Malta’s Heart propju fil-bidu tas-sena l-ġdida. Hu ntalab jitkellem dwar skontu x’inhi l-akbar sfida li bħalissa qed taffaċċja s-soċjetà Maltija.

L-Isqof Galea-Curmi sostna li bħalissa hawn bżonn kbir sabiex l-għeruq tal-bnedmin jinżlu fil-valuri umani u insara. Qal li b’dan il-mod, wieħed jagħmel għażliet li jkunu ispirati minn dawn il-valuri. Fost il-valuri li rrefera għalihom semma l-onestà, l-integrità, il-ħidma għall-ġustizzja u l-verità, l-għaqda u l-paċi. Irrimarka li jekk wieħed jipprova jibni l-paċi mingħajr verità u ġustizzja, ma jkunx qed jagħmel għajr kif ilibbes maskra, li malli titqaċċat tinduna li m’għandhiex bażi għall-paċi.

Hu kompla jgħid li dawn il-valuri umani huma bżonnjużi għaliex jgħinu lill-poplu jinbena f’nies li kapaċi jgħixu dak li jemmnu fih. Qal li dawn il-valuri għandhom jiġu segwiti mingħajr biża’ u mingħajr ma “nħarsu lejn wiċċ ħadd”. Sostna dwar l-importanza li l-poplu ma jaġixxix b’tali mod sabiex joġgħob lil ħaddieħor jew għax qed jiġi kkundizzjonat minn xi ħadd. Sostna li fejn hemm is-sewwa u dak li hu ġust hemm bżonn li l-poplu jaħdem għalih u jagħti l-kontribut tiegħu lis-soċjetà.