Filmat: Il-PA teħodha kontra l-Ministeru għal Għawdex

L-Awtorità tal-Ippjanar ħaditha kontra l-Ministeru għal Għawdex wara li dalgħodu kuntrattur imqabbad mill-Ministeru ġie ffilmjat jarmi materjal fil-baħar f’Marsalforn.

Fi stqarrija, l-Awtorità tal-Ippjanar qalet li l-uffiċjali tagħha marru immedjatament fuq il-post u ħarrku lill-kuntrattur filwaqt li talbuh ineħħu l-materjal kollu sakemm iż-żona terġa’ tiġi fl-istat oriġinali tagħha. L-Awtorità tal-Ippjanar qalet li se tkompli ssegwi ż-żona sakemm dan iseħħ.

Matul il-ġurnata, Newsbook.com.mt għamel diversi tentattivi biex jieħu reazzjoni tal-Ministeru għal Għawdex għal din l-azzjoni fil-port ta’ Marsalforn. Kemm il-Ministru Justyne Caruana kif ukoll il-kelliem tagħha ma kienux disponibbli għal kumment.

Intant, kemm il-Viċi Sindku taż-Żebbuġ Daniel Cordina u anki Kunsilliera Sandra Grech qalu li x-xogħol waqaf ħesrem.

Wara li kelli hafna telefonati u anke messagi xkien qed jigri f'Marsalforn illum matul il-gurnata fil-hin turistiku…

Posted by Daniel Cordina on Thursday, July 5, 2018

Aktar tard fi stqarrija, il-Ministeru għal Għawdex irrimarka li l-proċess inkwistjoni jinvolvi li r-ramel, iċ-ċagħaq u materjal ieħor li ttella’ mill-baħar fix-xitwa għandu jerġa’ jsib ruħu fil-bajja skont method statement approvat mill-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi.

Il-Ministeru nsista li l-intervent isir biss f’kundizzjonijiet ta’ temp favorevoli, u semma kif dan ix-xogħol isir kull sena bil-permessi kollha neċessarji.