Filmat: “Il-mużika mhix passatemp, iżda professjoni” – Vjolinista ta’ 17-il sena

Minkejja li għadha sal-lum il-ġurnata tisma’ kummenti bħal li l-mużika hi biss passatemp u mhux professjoni, il-vjolinista ta’ 17-il sena Maria Cini qalet li dan mhux il-każ.
F’temp ta’ tlett ijiem biss, il-filmat tagħha ddoqq bil-vjolin id-diska popolari ‘I take a pill in Ibiża’, li Maria tellgħat fuq YouTube, rawħ kważi 2,000 persuna, u kellha wkoll ħafna shares fuq Facebook.
Ma’ Newsbook.com.mt, Maria spjegat kif issa ilha kważi 10 snin titgħallem il-vjolin, u minn dak iż-żmien ‘l hawn kellha ħafna esperjenzi, opportunitajiet u infetħulha ħafna bibien.
Kollox beda fl-2011 meta pparteċipat f’kunċert kontra l-bullying imtella’ mill-kantanta Ira Losco, fejn hi għall-ewwel darba daqqet quddiem 4,000 student. Tirrakkonta kif dakinhar niżlet tibki bil-ferħ minn fuq l-istejġ.
Tirrakkonta wkoll kif erba’ snin ilu kellha l-opportunità ddoqq fil-President’s Award, fejn preżenti kien hemm ukoll il-Prinċep Charles.
F’messaġġ lil dawk li wkoll jixtiequ jkomplu karriera fil-mużika, Maria Cini appellatilhom biex meta jisimgħu kummenti bħal li “Bil-mużika m’intx ħa tirnexxi”, dawk il-kummenti għandhom jużawhom bħala motivazzjoni biex ikompli mixjin ‘il quddiem fil-karriera tagħhom, kif għamlet hi.
Tista’ tara l-filmat ta’ Maria Cini ddoqq ‘I take a pill in Ibiża’ billi tagħfas hawn.

Ritratt: Gareth Photography