Filmat: Il-musical The Sound of Music mil-lejla fuq You Tube

Għal dawn l-aħħar xahrejn fuq YouTube kull nhar ta’ Ġimgħa fuq iċ-channel The Show Must Go On kien qed jitwassal musical ta’ Andrew Lloyd Webber. Din is-sensiela ntemmet il-ġimgħa l-oħra bil-musical Cats. Ħafna kienu qed jistaqsu x’se jkun imiss issa li spiċċat din is-serje ta’ musicals. Illejla fil-fatt se jkun qed jitwassal musical ieħor, din id-darba ta’ Rodgers u Hammerstein, The Sound of Music.

Filwaqt li bla dubju bosta jassoċjaw dan il-musical mal-film ta’ Julie Andrews, dak li se jkun qed jintwera mil-lejla għal 48 siegħa se tkun il-verżjoni tal-2013 li nħadmet mill-istazzjon Amerikan NBC b’Carrie Underwood fil-parti ewlenija ta’ Maria Von Trapp.

Minbarra Varrie Underwood se jkunu qed jidhru wkoll Stephan Moyer, Audra McDonald u Laura Brenati fost oħrajn.

Mhux se jonqsu s-siltiet popolari bħal My Favourite Things, Do-Re-Mi u Climb Every Mountain.

Il-musical The Sound of Music se jkun qed jitwassal fuq YouTube mil-lejla fit-8pm għal 48 siegħa permezz ta’ dan il-link.