Filmat: Il-mument li nqalbet karozza f’Raħal Ġdid

Tista’ tara l-mument tal-ħabta ta’ ġimagħtejn ilu, hekk kif iż-żewġ sewwieqa kienu għaddejjin fi Vjal Santa Luċija f’Raħal Ġdid. L-inċident ġara fit-8 ta’ Settembru, u s-sewwieq tal-karozza l-ħamra kien weġġa’ gravi. 

Kif jidher fil-filmat, għal xi raġuni jew oħra, jew is-sewwieq tal- Peugeot 308 ħamra injora d-dwal tat-traffiku u baqa’ għaddej, jew is-sewwieq tal-BMW 320D ma tax każ id-dwal tat-traffiku u ħareġ qabel mill-ħin li suppost.

Għalhekk, huma ġew involuti f’ħabta kerha, fejn il-Peugeot inqallbet darba darbtejn qabel ma waqfet fejn arblu li waqqgħet, kawża tal-ħabta. Is-sewwieq tal-BMW, flimkien ma sewwieq ieħor fit-triq, ġrew fuq il-karozza l-ħamra biex jagħtu l-għajnuna.

Il-filmat kien miġbud fuq kamera tas-CCTV li kienet fl-inħawi.