Filmat: L-MPs tal-Gvern jgħidu li ma kinux jafu bl-elezzjoni bikrija

Read in English.

Uħud mill-Membri Parlamentari tan-naħa tal-Gvern qalu li ma kinux konxji li kienet se ssir elezzjoni ġenerali bikrija fl-2017. Newsbook.com.mt staqsa lil dawn il-Membri Parlamentari jekk huma kinux konxji dwar l-elezzjoni bikrija li saret fl-2017, mill-2016.

Ma’ Newsbook.com.mt, il-Membri Parlametari Anthony Agius Decelis, Glenn Bedingfield, il-Ministru għall-Ġustizzja Edward Zammit Lewis, il-Ministru għall-Kultura José Herrera u l-Ministru għall-Edukazzjoni Owen Bonnici qalu li ma kinux jafu li kienet se tissejjaħ elezzjoni bikrija. Agius Decelis, Bedingfield u Zammit Lewis insistew li l-għażla li tissejjaħ elezzjoni ġenerali bikrija hija prerogattiva tal-Prim Ministru. Dwar kif jispjegaw l-allegazzjoni li s-sid tal-kumpanija 18 Black, Yorgen Fenech, kien jaf bl-elezzjoni lura f’Diċembri tal-2016, Agius Decelis wieġeb jgħid li “Fenech qed jgħid ħafna affarijiet”.

“Anke issa ħafna qed jitkellmu dwar il-possibilità ta’ elezzjoni ġenerali bikrija – jekk issir l-elezzjoni issa dan ifisser li kull min qal hekk kien qed jgħid il-verità? Hemm dawk li qed jgħidu li l-gvern se jagħmel il-mandat tiegħu kollu. Xi ħadd se jkun qata’ x’se jiġri,” qal Bedingfield.

Min-naħa l-oħra, il-Ministru għall-Ġustizzja Zammit Lewis qal li xi ħadd għandu jistaqsi lil Yorgen Fenech, li huwa suspettat bl-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, kif sar jaf dwar l-elezzjoni tal-2017.

Intant, il-Ministru Bonnici qal li l-elezzjoni tal-2017 seħħet minħabba l-istorja ta’ Egrant. Hu rrefera għall-ilment dwar ksur ta’ privileġġ parlamentari li kien issottometta l-eks Prim Ministru Joseph Muscat l-Erbgħa filgħaxija.

“Ara li ma jaħrabx”

Il-Membri Parlamentari li ntlaqgħu mill-ġurnalisi huma u deħlin fil-binja tal-Parlament ilbieraħ filgħaxija intalbu jgħidu jekk kinux mgħarrfa dwar it-telefonata ta’ Muscat liċ-chief of staff tiegħu dak iż-żmien, Keith Schembri, fejn Muscat talbu biex jassigura li Yorgen Fenech ma jaħrabx minn Malta.

Il-Ministru għall-Ambjent Aaron Farrugua qal li hu personalment ma kienx jaf dwar din it-telefonata. Hu żied jgħid li l-każ jista’ jkun diskuss aħjar ladarba jingħalaq mill-Qorti. Similarment, Bedingfielf qal li wieħed għandu jħalli l-ġustizzja tieħu l-perjodu tagħha imbagħad kulħadd ikun jista’ jasal għall-konklużjonijiet tiegħu meta l-fatti kollha jkunu ħarġu.

Debattista qal li hu ma kienx jaf dwar it-telefonata, filwaqt li Bonnici rrifjuta li jikkumenta dwar dan.

“L-ebda allegazzjoni diretta kontra Muscat”

Il-Ministru José Herrera rrimarka li l-każ ta’ Muscat kien differenti minn dak tal-eks Ministru Konrad Mizzi. Hu żied jgħid li fil-preent ma kienx hemm allegazzjonijiet diretti fil-konfront ta’ Muscat. Fil-każ ta’ Mizzi, il-grupp parlamentari Laburista u l-Eżekuttiv tal-Partit Laburista iddeċidew dwar it-tneħħija tiegħu mill-grupp parlamentari abbażi ta’ informazzjoni ġdida li ħarġet fil-konfront tiegħu b’rabta mal-iskandlu tal-Montenegro.

Herrera qal li l-iżball ta’ Muscat kien li ma ħax deċiżjoni lura fl-2016.

“Bħalissa, il-grupp parlamentari u l-eżekuttiv tal-PL ma jħossux li għandha tittieħed miżura daqshekk drastika fil-konfront ta’ Muscat,” qal Herrera. Hu kien qed iwieġeb il-mistoqsija dwar jekk Muscat għandux jitħalla jokkupa l-pożizzjoni tiegħu fil-grupp parlamentari.

Zammit Lewis qal li Muscat hu kapaċi jagħmel id-deċiżjonijiet tiegħu fl-aħjar interessi għalih, għall-partit u għall-pajjiż. Intant, il-Ministru għat-Trasport Ian Borg qal li Muscat kellu mandat elettorali u hu ma kienx se jkun dak li jgħidlu x’għandu jagħmel. Hu rrimarka li huwa kburi li serva bħala segretarju parlamentari u ministru taħt it-tmexxija ta’ Joseph Muscat.

Filmati minn Miguela Xuereb u mistoqsijiet ta’ Monique Agius.