Filmat: Il-miżuri tal-Air Malta kontra l-COVID-19 rikonoxxuti mill-‘Airline Ratings’

Read in English.

Il-linja nazzjonali tal-ajru Air Malta ħabbret li rnexxiela tilħaq fost l-ogħla pożizzjonijiet fir-rating fejn tidħol il-protezzjoni u s-sigurtà kontra l-pandemija tal-COVID-19 u dan skont is-sit ‘Airline Ratings’ li tagħmel dawn it-tipi ta’ analiżi fost il-linji tal-ajru.

Dan is-sit elettroniku ħa inkonsiderazzjoni l-informazzjoni u l-istuzzjonijiet li jinsabu online, fuq is-sit elettroniku tal-Air Malta inkluż kf wieħed għandu jżomm id-distanza soċjali fuq l-ajruplan, il-protezzjoni u l-apparat apposta għall-membri tal-ekwipaġġ, l-użu obbligatorju tal-maskri u anke fejn jidħol tindif fuq l-ajruplan waqt it-titjira.

Iċ-chairman tal- Air Malta Dr Charles Mangion faħħar il-ħidma tal-istaff kollu għaliex kien bis-saħħa tal-koperazzjoni li l-linja tal-ajru rnexxiela tilħaq fost l-ogħla ratings. Mangion qal li l-Air Malta kienet minn ta’ l-ewwel li mplimentat il-miżuri ta’ mitigazzjoni abbord l-ajruplani tagħha.

Dan minbarra li l-linja nazzjonali tal-ajru ngħaqdet ma’ operaturi oħra ewropej biex turi l-impenn tagħha lejn  l-‘Aviation Industry Charter for COVID-19’ tal-EASA, l-Aġenzija għas-Sigurtà tal-Avjazzjoni fl-Unjoni Ewropea, u tal-ECDC, iċ-Ċentru Ewropew għall-kontroll u l-prevenzjoni tal-mard.