Filmat: “Il-missjunarji ma jaqtgħux qalbhom mil-lingwa u l-elementi” – l-Arċisqof Alfred Xuereb

Fil-messaġġ tiegħu in-Nunzju Appostoliku tal-Korea t’Isfel Mons. Alfred Xuereb tkellem dwar kif l-isfidi tal-lingwa u l-elementi fil-missjoni fil-Korea t’Isfel u l-Mongolja huma kbar, pero missjunarji minn madwar id-dinja ma jaqtawx qalbhom.

Mons. Xuereb qal li l-Papa Franġisku kien qallu li fil-Korea t’Isfel u l-Mongolja kien se jsib Knisja ħajja, tant li fl-2017 tgħammdu iktar minn 100,000 adult. Hu żied jgħid li l-Papa jgawdi minn venerzzjoni kbira fil-Korea t’Isfel hekk kif it-tifkira tal-vista pastorali tiegħu fl-2014 fejn ikkanonizza ftit mill-martri ta’ dan ir-reġjun għadha ħajja.

Il-Knisja fil-Korea t’Isfel tgawdi minn popolarità kbira anke minn min mhux Kattoliku sostna Mons. Xuereb. Dan hekk kif fis-snin 70 kien hemm diversi protesti u l-ħaddiema kienu qed jissieltu għad-drittijiet tagħhom u kienu jistkennu fil-katidral ta’ Seoul. Wieħed mill-mument l-iktar memorabbli kien dak ta’ meta s-suldati kienu daħlu fil-Katidral biex jarresstaw lill-manifestanti u l-Arċisqof ta’ dak iż-żmien, il-Kardina Steven Kim, kien waqaf fil-bieb u kien qalilhom li  “Jekk tridu tarrestaw lil dan il-manifestanti tridu tgħaddu minn fuq ġismi mejjet”.

Mons. Xuereb temm jgħid li waqt żjara ta’ 10 ijiem li għamel fil-Mongolja ra kemm il-Knisja hemmhekk għadha żagħżugħa tant li l-imgħamdin huma biss 1,300 persuna filwaqt li hemm 40 missjunarju u saċerdot wieħed biss li ġie ordnat mill-Mongolja, dan wara li wettaq l-istudji tiegħu fil-Korea t’Isfel.