Filmat: Il-missjoni tiegħi hija li neradika l-faqar – Fearne

Read in English.

Il-missjoni ewlenija ta’ Chris Fearne jekk jiġi elett bħala Mexxej tal-Partit Laburista u eventwalment Prim Ministru ta’ Malta, hija li jeradika l-faqar.

Fearne, bħalissa Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa kien qed jiġi intervistat minn Fr Joe Borg fuq Newsbook.com.mt.

Hu spjega li l-valuri li fuqhom twaqqaf fuqhom il-Partit Laburista kważi 100 sena ilu għadhom relevanti sal-lum. Qal li l-aktar ħaġa bżonnjuża kien li jeradikaw il-faqar mill-pajjiż.

Spjega li r-ruħ soċjali għalih tfisser li dak li jemmnu fih f’qalbhom jaraw li jseħħ fil-prattika. Irrimarka li filwaqt li ilu fil-politika għal 40 sena, fejn għamel ħafna snin twal jaħdem bħala voluntier, telaq il-karriera tiegħu bħala kirurgu tat-tfal għax ried li jagħmel xi ħaġa iktar biex jibdel ħajjet in-nies.

Dwar il-ħaddiema tal-kuntrattur, Fearne sostna li meta wieħed jagħmel l-istess tip ta’ xogħol għandu jieħu l-istess paga. Qal li fost l-inqas li jitħallsu f’Malta hemm dawk li jaħdmu mal-kuntrattur, jitħallsu bis-siegħa u ħafna drabi jitħallsu inqas minn €5 fis-siegħa. Qal li mbagħad dawn jispiċċaw jitħallsu mat-€800 jew €900 fix-xahar. Qal li xi kultant, f’dawn il-flus, tkun trid tgħix familja ta’ tnejn jew tliet persuni. Qal li jekk wieħed iħares lejn l-istess paga għall-istess xogħol, mela jkun qed jindirizza grupp ta’ nies li jinsab f’riskju ta’ faqar.

Ġab eżempju bil-qasam tas-saħħa fejn sostna li hemm 2,200 ħaddiem tal-kuntrattur li jagħmlu xogħol ta’ cleaners, carers, gwardjani tas-sigurtà u clarks. Spjega li dawn ilhom jagħmlu dan ix-xogħol għal 11 jew 12-il sena u bħalhom jagħmlu l-istess xogħol impjegati tal-Gvern. Qal li matul l-aħħar snin ħadmu sabiex iġibu l-paga bażika tal-ħaddiema tal-kuntrattur eżatt bħal dik tal-Gvern. Qal iżda li jekk il-ħaddiema tal-kuntrattur jaħdmu over time, dawn jitħallsu normali, jekk jaħdmu Ħdud u festi, dawn ma jieħdux allowances u jekk ikun hemm iż-żieda tal-Gvern skont il-ftehim kollettiv dawn ma jieħduhiex. Qal li jixtieq li dawn id-differenzi jiġu rranġati.

Fearne irrimarka li filwaqt li huwa veru li min hu sinjur ħafna qed ikompli jsir iktar sinjur, il-faxxa ta’ taħt qed tirkupra wkoll.