Filmat: Il-Ministru Scicluna jiddefendi lill-FIAU

Il-Ministru għall-Finanzi Edward Scicluna kompla jiddefendi lill-Aġenzija tal-Gvern kontra l-ħasil tal-flus (FIAU) wara li l-ġimgħa l-oħra, l-Awtorità Bankarja Ewropea (EBA) kkonkludiet li l-Aġenzija Maltija naqset milli tagħmel superviżjoni effettiva fuq il-Bank Pilatus.

Il-Ministru Sciculna ma kkommettiex ruħu li jieħu r-responsabbiltà għan-nuqqas tal-Aġenija tal-Gvern, fl-istess ħin iddefenda lill-istess FIAU billi qal li din se tieħu l-ħin tagħha biex twieġeb għall-konklużjonijiet tal-EBA.

Mistoqsi minn Newsbook.com.mt dwar jekk għadux jaħseb li r-rapport li ħareġ dwar Pilatus Bank kien miktub biex jiġi leaked, il-Ministru qal li kieku kellu intenzjonijiet tajba, min ħareġ ir-rapport kien imur bih għand Maġistrat u mhux għand il-Kap tal-Oppożizzjoni.

Il-Ministru spjega li l-FIAU wieġbet għall-ewwel ittra tal-EBA iżda fisser li għandha perjodu itwal li tappella mid-deċiżjoni. Sostna li “hemm affarijiet legali u tekniċi li l-FIAU għandha nies kompetenti biżżejjed biex iwieġbu għalihom”. Il-Ministru spjega li l-FIAU qed issostni li mhux minnu li huma kisru xi direttiva tal-Unjoni Ewropea.

Il-Ministru ma weġibx għall-mistoqsijiet mill-ġurnalisti dwar għalfejn waħħal fil-Membru Parlamentari Ewropew David Casa meta fi kliem il-Ministru stess kienet il-Kummissjoni Ewropea li tablet lill-EBA biex tinvestiga lill-FIAU dwar Pilatus Bank.

L-Aġenzija tal-Gvern kontra l-ħasil tal-flus (FIAU) jidher li baqgħet bla kliem wara l-kritika ħarxa tal-Awtorità Bankarja Ewropea (EBA). Il-ġimgħa l-oħra, l-FIAU ppubblikat dak li osservaturi fis-settur iddeskrivew ma’ Newsbook.com.mt bħala “risposta fjakka” u wiegħdu li joħorġu reazzjoni dettaljata fiż-żmien li ġej. Madanakollu, ġimgħa wara l-pubblikazzjoni tar-rapport tal-EBA, l-FIAU baqgħet ma skoprietx meta hu l-waqt li tippubblika reazzjoni dettaljata għall-kritika ħarxa li algħet mill-Awtorità regolatorja Ewropea.