Filmat: Il-Ministru Schembri jiskuża ruħu mal-barranin

Il-Ministru għall-Ekonomija Silvio Schembri skuża ruħu għad-diskors li għamel ilbieraħ fil-Parlament li fih qal li ħaddiema barranin li jkunu tkeċċew mix-xogħol għandhom jiġu deportati.

Fi stqarrija f’filmat bl-Ingliż li huwa ppubblika fuq Facebook, il-Ministru Schembri qal li l-kliem li uża kienu sfortuna u skuża ruġu jekk b’dan l-aġir weġġa’ jew offenda lil xi ħadd. Huwa qal li l-Gvern għandu rispett lejn il-ħaddiema kollha mingħajr distinzjoni fuq in-nazzjonalità. Sostna wkoll li l-Gvern huwa kburi li l-ekonomija b’saħħitha wasslet biex mhux biss il-Maltin ikollhom kwalità ta’ ħajja aħjar iżda l-Ewropej u persuni minn pajjiżi terzi qed igawwdu minnha wkoll.

Il-Ministru Schembri ħeġġeġ lill-Maltin li jikkru l-appartamenti lill-barranin biex jikkunsidraw iċ-ċirkostanzi li ninsabu fihom u indika biex ikunu flessibbli.

Temm jgħid li huwa jħares ‘il quddiem biex l-ekonmija tirpilja fl-interess ta’ dawk li joqogħdu f’Malta u f’Għawdex.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn