Filmat: Il-Ministru Mizzi ma jeskludix li tinbidel is-sistema tal-kontijiet tad-dawl

Il-Ministru għall-Enerġija Joe Mizzi enfasizza fuq l-importanza li wieħed jistenna l-eżitu tal-analiżi li qed issir dwar il-kontijiet tad-dawl u imbagħad wieħed jimxi ‘l quddiem.

Ma’ Newsbook.com.mt Mizzi qal li hemm analiżi li ilha sejra x-xhur li turi li s-sistema ta’ kif qed jinħadmu l-kontijiet bħalissa hija l-istess bħal ma kien hemm qabel. Qal li issa jrid jara x’jirriżulta mill-ilmenti li jkunu ġew mis-setturi differenti, inkluż mill-qasam finanzjarju.

Mizzi fakkar kif kien hemm investiment ta’ €100 miljun fl-ismart meters “biex ikunu effiċjenti l-affarijiet” u żied jgħid li issa wieħed irid jara l-affarijiet u l-kumplikazzjonijiet li kien hemm wara evalwazzjoni ta’ “x’riżultat tat dik is-sistema ta’ €100 miljun”. Mizzi saħaq li qed iserraħħ moħħ in-nies billi jara li l-affarijiet “isiru kif suppost”.

Prof. Josef Lauri, Professur tal-Matematika fl-Università ta’ Malta kien qal ma’ Newsbook.com.mt li jkun ideali li l-kontijiet tad-dawl u l-ilma jkunu jaħdmu b’sistema bħal dik tat-taxxa fuq id-dħul. Mizzi qal li jkun tajjeb li wieħed jevalwa l-analiżi li għamel il-professur. Il-Ministru saħaq li diġà offra li jiltaqa’ ma’ kull min kellu xi tħassib dwar il-kontijiet. Qal ukoll li ltaqa’ ma’ xi professuri dwar dan. “Wasalna fl-analiżi, issa naraw ‘il quddiem” żied jgħid il-Ministru.