Filmat: Il-Ministru jżur lill-forzi tal-ordni; “Għalihom m’hemmx Milied”

Read in English.

Il-Ministru għall-Intern Byron Camilleri llum żar lill-forzi tal-ordni li, xemx jew xita, festa jew mhux, iridu jaħdmu sabiex iħarsu s-sigurtà tal-Maltin u tal-Għawdxin.

Il-Ministru raddilhom ħajr f’isem il-poplu Malti u Għawdxi.

Fl-għassa tal-pulizija ta’ Raħal Ġdid, huwa rringrazzja lill-pulizija għax-xogħol li jwettqu ta’ kuljum u r-rieda li wrew fl-aħħar xhur li jkunu iktar viċin il-poplu. Żar ukoll iċ-ċentru tal-Forzi Armati ta’ Malta f’Ħal Luqa fejn ikun ikkordinat xogħol importanti mhux biss fuq l-art, iżda wkoll sorveljanza fuq il-baħar u fl-ajru. Fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin u fl-istazzjon tat-tifi tan-nar tal-istess żona, il-Ministru tkellem mal-ħaddiema tal-Aġenzija għas-Servizzi Korrettivi u tal-Protezzjoni Ċivili.

“Kburi b’dawn il-ħaddiema kollha. Fl-aħħar 12-il xahar rajt rieda kbira biex inwettqu bidliet li riżultat tagħhom nagħtu servizz aħjar lill-poplu Malti u Għawdxi. Perfetti m’aħniex u forsi qatt mhu se nkunu, iżda qed nagħmlu l-ikbar sforz possibbli u l-ikbar investiment fl-istorja biex nipproteġu bl-aqwa mod is-soċjetà tagħna,” qal il-Ministru Camilleri fi tmiem dawn iż-żjarat.

Il-Ministru Camilleri semma kif bħal dawk li żar hu, hemm eluf ta’ ħaddiema oħra f’setturi differenti, inklużi dawk tas-servizzi ta’ detenzjoni u l-AWAS, li wkoll m’għandhomx festi.

“Iċ-ċirkostanzi ta’ din is-sena, f’nofs pandemija, forsi ġegħluna napprezzaw iktar kemm ix-xogħol li għandna rridu nibżgħu għalih billi nagħmlu l-almu tagħna. Il-ħaddiema Maltin u Għawdxin taw l-aqwa prova ta’ dan u huwa għalhekk li pajjiżna baqa’ reżiljenti u b’saħħtu,” temm il-Ministru Camilleri li fisser li jeħtieġ li l-Maltin jgħinu lill-ħaddiema bl-azzjonijiet tagħhom.

Il-Kummissarju tal-Pulizija Angelo Gafà wkoll żar diversi għases biex jirringrazzja lill-uffiċjali tal-pulizija ta’ xogħolhom.

SPECIAL road-checks were carried out this morning at different localities wishing all drivers a HAPPY CHRISTMAS, while…

Posted by The Malta Police Force on Thursday, December 24, 2020