Read in English.
Il-Ministru għall-Ġustizzja Edward Zammit Lewis ċaħad li qatt organizza laqgħat bejn l-eks Prim Ministru Joseph Muscat u wieħed mid-diretturi tal-Electrogas Paul Apap Bologna.
Fil-kummenti tiegħu lil Newsbook.com.mt, il-Ministru qal li ma jaf xejn dwar il-proġett tal-powerstation tal-Electrogas. Qal, iżda, li lil Apap Bologna ilu jafu madwar 15-il sena filwaqt li n-nisa tagħhom ilhom ħbieb għal dawn l-aħħar 30 sena.
Huwa saħaq li din hija gidba kbira ffabrikata kontrih, u li għandu suspett minn min ġejja din il-gidba.
Dalgħodu, waqt l-inkjesta pubblika fuq l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia, xehed Paul Apap Bologna. L-Avukat Jason Azzopardi, li qed jidher għall-familja Caruana Galizia, staqsieh jekk Zammit Lewis qatt organizzax laqgħat għal Apap Bologna ma’ Joseph Muscat.
Apap Bologna wieġeb li dan qatt ma seħħ.
Fl-istess seduta, l-Imħallef Abigail Lofaro mill-Bord tal-Inkjesta wissiet lix-xhud kemm-il darba li hu qiegħed taħt ġurament u jrid joqgħod attent xi jgħid.
Apap Bologna ċaħad ukoll li ta donazzjoni ta’ miljun ewro lill-Partit Laburista biex jgħinu jiffinanzja l-kampanja elettorali tal-2013.
Fil-bidu ta’ Settembru, id-Deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi allega li hemm xhieda li raw lil mart Yorgen Fenech iżżur id-dar ta’ Zammit Lewis fil-25 ta’ Frar. Fenech, li kien shareholder fl-Electrogas, jinsab akkużat b’kompliċità fl-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.
Il-Ministru dejjem ċaħad dan.