Filmat: Il-Ministru jaqbel mal-PM li l-inkjesta fuq l-assassinju m’għandhiex tiddewwem

Read in English.

Il-Ministru għall-Ġustizzja Edward Zammit Lewis qabel mad-deċiżjoni kontroversjali tal-Prim Ministru Robert Abela biex l-inkjesta fuq l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia tiġi estiża darba biss. Hu insista fuq l-importanza li l-proċess jintemm malajr.

Fil-kummenti li għadda lil Newsbook.com.mt, Zammit Lewis enfasizza li l-inkjesta għandha tingħata r-riżorsi kollha li għandha bżonn, u stqarr li għandu fiduċja sħiħa fil-membri tal-Bord tal-Inkjesta. Madankollu argumenta li m’għandux ikun hemm dewmien żejjed. Fil-fehma tal-Ministru, dak li jinbeda għandu jispiċċa, u għalhekk, bħal kull ħaġ’oħra, din l-inkjesta għandha tintemm ukoll.

Il-Prim Ministru Robert Abela estenda tmiem l-inkjesta sal-15 ta’ Diċembru, imma sostna li l-inkjesta għandha tintemm sa dik il-ġurnata u ma ddumx iktar.

Huwa qala’ l-kritika ta’ dan, fosthom tal-familja Caruana Galizia. Waħda mill-avukati tal-familja, il-Membru Parlamentari Therese Comodini Cachia, spjegat li l-familja teħtieġ il-ħin adekwat biex tipprepara s-sottomissjonijiet tagħha bil-miktub ladarba jinstemgħu x-xhieda kollha, u li l-Bord jeħtieġ iż-żmien tiegħu biex jiffinalizza r-rapport.

Il-Membru Parlamentari Olandiż Pieter Omtzigt, li hu r-rapporteur tal-Kunsill tal-Ewropa fuq l-assassinju u fuq is-saltna tad-dritt f’Malta, qal li l-Gvern ma kellu l-ebda dritt jindaħal fil-ħidma ta’ inkjesta pubblika indipendenti.

Fl-ittra tiegħu lill-PM, Omtzigt għamilha ċara li hu ma jaqbilx mar-raġunament tal-Prim Ministru dwar it-termini ta’ referenza tal-inkjesta. Akkuża lill-PM li kkwota ħażin it-termini ta’ referenza meta qal li l-inkjesta għandha limitu ta’ disa’ xhur. Fil-fehma tiegħu, id-data ta’ skadenza hija flessibbli, u tiddependi minn jekk ikunux intlaħqu l-għanijiet tal-inkjesta.

L-inkjesta kompliet illum bix-xhieda ta’ Paul Apap Bologna mill-konsorzju tal-Electrogas. Se tissokta nhar it-Tnejn li ġej bix-xhieda ta’ Mark Gasan mill-Gasan Group.