Filmat: Il-Ministru Falzon mhux se jitlob lil Alfred Grixti jirreżenja

Il-Ministru għas-Solidarjetà Soċjali Michael Falzon illum implika li mhux se jkun qed jitlob lill-Kap Eżekuttiv tal-Fondazzjoni għas-Servizzi tal-Ħarsien Soċjali (FSWS) Alfred Grixti jirreżenja wara kummenti li għamel online fil-konfront tal-NGOs li jsalvaw il-ħajjiet.

Permezz ta’ kumment fuq Facebook, Grixti kien għamel referenza għall-bastimenti li jużaw l-NGOs tat-tiftix u salvataġġ li jaħdmu fil-baħar Mediterran. Hu kien qal “naqbdulhom il-vapur u ngħerrquhulhom!” Dan il-kumment ġie propju wara li l-Gvern Malti ħabbar li mhux se jkun qed isalva aktar immigranti mill-għarqa, anke jekk ikunu f’periklu kbir, sabiex jissalvagwardja s-saħħa pubblika fiż-żmien tal-imxija tal-coronavirus. Sal-bieraħ, 12-il immigrant ġew rappurtati mejta wara li mietu bil-għatx jew għerqu fi triqithom biex isibu ħajja aħjar. Għexieren oħrajn ġew ritornati l-Libja, fejn skont NGOs li jsalvaw l-immigranti hemm ċans kbir li dawn jiġu ttorturati u stuprati.

Skont il-Ministru Falzon, il-kumment li għadda Grixti kien wieħed li sar fil-kapaċità individwali tiegħu u li talab skuża għalih wara li nħass li nftiehem ħażin. Hu kompla jgħid li l-poplu ma jinteressahx minn kummenti li wieħed jitfa’ fuq Facebook b’nuqqas ta’ ħsieb, iżda jinteressaħ aktar mis-servizzi u l-inizjattivi li qed jipprovdi l-Ministeru f’dan iż-żmien bħall-helpline 1772, is-servizzi tat-tqassim tal-ikel u servizzi oħrajn ġodda li se jkunu mħabbra l-ġimgħa d-dieħla.

Minkejja l-ħsibijiet ta’ Falzon, fit-13 ta’ April, il-Bord tal-Fondazzjoni għas-Servizzi tal-Ħarsien Soċjali (FSWS) ħass il-bżonn li jiddiżassoċja ruħu mill-kummenti tal-Kap Eżekuttiv tagħha Alfred Grixti. Fi stqarrija ppubblikata, il-Bord qal li Grixti għamel dawn il-kummenti fuq Facebook fil-kapaċità personali tiegħu. Il-Bord qal li qed jiddiżassoċja ruħu mill-kummenti li setgħu taw impressjoni differenti tal-valuri li tħaddan il-FSWS.

Ix-xogħol tal-Fondazzjoni huwa li tipprovdi servizzi ta’ benessri, partikolarment b’rabta mal-abbuż mill-alkoħol u d-drogi, iżda wkoll jassistu fuq problemi soċjali oħrajn bħall-benessri tal-familji.