Filmat: Il-Ministru Abela jgħid li sar jaf minn Facebook li qed jaħmu impjieg, il-PN jirreaġixxi

Il-Ministru għall-Intern Carmelo Abela ma ċaħadx li seta’ kien hemm konversazzjoni bejn is-Segretarju Permanenti tal-Ministeru Kevin Mahoney u l-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija tal-Gvern għall-Ħarsien għall-Persuni li jfittxu l-Ażil (AWAS) Joseph Baldacchino biex jinħema impjieg għal iben ta' Uffiċjal tal-Ministeru Ludgard Scicluna.
Ma’ Newsbook.com.mt il-Ministru Abela saħaq li hu ma kienx infurmat b’dan kollu u sar konxju b’dan, meta ħarġet il-kitba fuq Facebook.
Fuq Facebook Joseph Baldacchino kiteb li l-Ministru Carmelo Abela “bierku” biex joħroġ sejħa għall-impjieg u jżommha għall-iben Ludgard Scicluna.
Il-Kap Eżekuttiv jgħid li qed jissielet għal din il-kariga imma hemm wisq burokrazija min-naħa tas-Segretarju Permanenti.
"Wissejt lill-Kap Eżekuttiv Joseph Baldacchino"
Dwar jekk hux se jieħu azzjoni dixxiplinarja, il-Ministru Abela qal li s-Segretarju Permanenti jagħmel dak li huwa mistenni minnu.
Tenna li wissa’ b’mod uffiċċjali lill-Kap Eżekuttiv Joseph Baldacchino iżda qal mhux għaqli li wieħed ikeċċih minħabba l-ħidma tajba li qed tagħmel l-istess Aġenzija.
Żied jgħid li s-sejħa għall-impjieg imsemmi mhux se toħroġ.
Temm jgħid li mill-esperjenza tiegħu jkun hemm min jisserva bl-isem tal-Ministru.
"Ħadd ma jemmen li Carmelo Abela ma kien jaf b'xejn" – Beppe Fenech Adami
Il-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista Beppe Fenech Adami qal li l-Ministru Abela spiċċa jivvinta skuża wara l-oħra biex jipprova jagħti l-impressjoni li ma kien jaf b’xejn b'dan il-każ.
Fi stqarrija, il-Kelliem tal-PN għall-Intern saħaq li ħadd ma jemmen li Carmelo Abela ma kien jaf b'xejn. Żied jgħid li jekk hu hekk, Abela għandu kriżi ta' tmexxija tal-Ministeru tiegħu, għax lanqas jaf x'qed jiġri fil-Ministeru li suppost imexxi hu.
Fenech Adami stqarr li bħal kumplament ta' sħabu fil-Kabinett, il-Ministru Abela qed ifarfar mir-responsabbiltà tiegħu.. 
Filmat: Ian Noel Pace