Filmat: Il-Milied mhux storja tal-imgħoddi imma messaġġ tal-lum – L-Arċisqof

L-Arċisqof Charles Scicluna qal li l-Milied mhuwiex biss storja tal-imgħoddi imma messaġġ attwali tal-lum.
Huwa qal dan fil-messaġġ annwali tal-Milied waqt li silet ir-riflessjoni tiegħu mill-presepju Naplitan, li hemm iżejjen il-Katidral tal-Imdina.
Mons. Scicluna jinnota li l-presepju Naplitan ipoġġi x-xena tal-Milied fl-ambjent ta’ Napli ta’ 300 sena ilu, iżda l-pasturi huma mlibbsa bil-kostumi kontemporanji ta’ meta sar il-presepju.
Kien hawn li l-Arċisqof irrifletta li l-figuri importanti ta’ Ġesù, Marija u Ġużeppi jfakkruna li dan l-avveniment ta’ 2,000 sena ilu, għandu messaġġ frisk.
“Il-Mulej jixtieq jinżel fir-realtà tagħna kif inhi u jasal fostna u fil-qalb tagħna bil-ħniena, bil-faraġ u bil-konsolazzjoni tiegħu,” qal Mons. Scicluna.
“Nawgura li dan il-Milied ifisser li Ġesù jidħol tassew f’qalbna”
Stqarr li meta wieħed iħares lejn presepju Naplitan jinnota li huma ftit dawk il-personaġġi li jħarsu lejn il-maxtura ta’ Ġesù. Il-bqija huma mehdija bix-xogħol u d-divertiment.
“Ħafna drabi din il-ħaġa tiġri wkoll fil-kultura tagħna, fil-ħajja tagħna. Il-Milied jiġi u jgħaddi imma donnu Ġesù ma jkunx ġie”.
Mons. Scicluna awgura li l-Milied ikun ifisser li Ġesù daħal tassew fil-qalb tal-bniedem u li wieħed jilqa’ l-messaġġ tiegħu, jiġifieri “biex naħfru lil xulxin, inħobbu iżjed lil xulxin, naraw il-preżenza tiegħu f’ħutna, l-iktar f’dawk li għandhom bżonn speċjali tal-imħabba u l-attenzjoni tagħna.”
“Donna qegħdin ngħixu ż-żminijiet ta’ 500 sena ilu”
F’dan il-presepju Naplitan hemm ukoll il-figura ta’ San Gejtanu li f’Napli kien insista li jkun hemm il-presepji b’tifkira ta’ Ġesù, għax hu s-sens veru tal-Milied.
Jispjega kif San Gejtanu kien ħoloq il-Banco di Napoli biex jgħin persuni li kienu waqgħu fil-pjaga tal-użura. Meta kien għadu Venezja kien għen żgħażagħ mitluqa għall-mewt għax ħadd ma kien jagħti kashom u kien waqqaf sptar għax ma kienx hemm kura għall-mard trażmess sesswalment.
“Donnu qegħdin nerġgħu ngħixu f’dawn iż-żminijet,” qal l-Arċisqof waqt li spjega li l-bniedem għandu bżonn nies bħal San Gejtanu li laqa’ lil Ġesù bħala l-faraġ u l-konsolazzjoni tiegħu.
“Din hi x-xewqa li l-Mulej jixtieq iwassal lilna f’dan il-Milied,” kompla Mons. Scicluna.
“Li tkun Nisrani hi xi ħaġa konkreta”
Dan l-istess presepju jinkludi wkoll lil San Ġorġ Preca, qaddis qrib tagħna li beda l-purċissjoni tal-Bambin u wassal il-Kelma ta’ Ġesù fil-familji u fost iż-żgħażagħ.
“Kemm hu sabiħ li mill-qaddisin nirrealizzaw u nifhmu li tkun Nisrani hi xi ħaġa konkreta, hi xi ħaġa possibbli,” qal l-Arċisqof.
Għalhekk stieden lill-Insara biex f’dan il-Milied jersqu lejn il-Qrar, lejn il-Knisja, lejn it-Tqarbin u lejn il-Quddies.
“Kemm tkun verament ħaġa sabiħa li aħna u mehdijin bil-festivitajiet, bil-parties, biż-żjajjar għand xulxin, ikollna wkoll iċ-ċans nifhmu li dawn il-festi huma dwar persuna, dwar il-Mulej Ġesù u nagħtuh iċ-ċans ifarraġna,” temm jgħid l-Arċisqof.