Dr Bernard Grech, il-Kap tal-Oppożizzjoni u Kap tal-Partit Nazzjonalista stqarr li jekk hemm festa li tissimbolizza l-ġid komuni – il-ġid ta’ kulħadd – hi l-festa tal-Milied.
Fil-messaġġ tiegħu tal-Milied, Dr Grech qal li għalkemm fil-ħajja ta’ kuljum ikollna fehmiet, opinjonijiet differenti u kwistjonijiet li jifirduna, “kull wieħed u waħda minna, fil-fond ta’ qalbna lkoll nixxenqu għall-imħabba, għall-paċi u għad-dinjità”. Żied jgħid li l-Milied ikebbes fina xrara speċjali għal dak li jgħaqqadna u għal sens ta’ ġenerożità ma’ xulxin, speċjalment ma’ dawk fil-bżonn.
“Il-familja l-ambjent l-aktar importanti fejn niċċelebraw il-Milied”
B’referenza għall-pandemija tal-Covid-19, il-Kap Nazzjonalista stqarr li anke fi żmien imċajpar ta’ bħalissa, xorta nħossu l-ferħ tal-Milied. Saħaq li jekk xejn, il-pandemija ġegħlitna napprezzaw aktar il-familja u dawk għeżież. Grech sostna li minħabba l-Covid-19, il-familja hi l-ambjent l-aktar importanti fejn niċċelebraw il-Milied u l-Ewwel tas-Sena. Fi kliemu, il-Milied mhux biss żmien ta’ festa u ferħ, imma wkoll żmien ta’ riflessjoni.
Għadda biex tkellem dwar is-sitwazzjoni tal-Partit Nazzjonalista, fejn stqarr li s-sena li ħerġin minnha hi sena storika mhux biss minħabba l-pandemija, imma wkoll minħabba t-taqlib li seħħ fix-xena politika Maltija. “Anke fil-Partit Nazzjonalista wettaqna bidliet importanti. Bħalissa ninsabu impenjati fi proċess ta’ tiġdid politiku bl-iskop biss li ninbidlu għall-aħjar biex inkunu ta’ servizz aħjar għall-poplu tagħna”, kompla jgħid. Sostna li jemmen dwar il-bidla għall-mod kif issir il-politika.
B’determinazzjoni spjega kif l-istorja ta’ suċċess li kiteb il-poplu Malti u Għawdxi “jeħtieġ li tirriġenera ruħha fir-realtajiet ġodda kulturali, soċjali, teknoloġiċi u ekonomiċi li qed naffaċċjaw”. Saħaq li din hi sfida li jistieden lil kulħadd jidħol għaliha b’entużjażmu, kuraġġ u konvinzjoni.
Nitbiegħdu mill-‘Jien’ u noqorbu lejn “l-Aħna”
Il-Kap tal-Oppożizzjoni fisser kif il-Milied ibiegħed il-“Jien” tal-egoiżmu u jqarribna lejn l-“Aħna” tal-altruwiżmu. “Il-verità hi li l-paċi u l-ġustizzja fl-art iseħħu u jibqgħu fostna jekk ngħixu l-Milied kuljum. L-ispirtu tal-Milied jgħidilna li rridu nagħtu mingħajr ma nistennew li nirċievu. Is-seħer tal-Milied jibda fil-qlub, l-aqwa rigal li nistgħu niftħu fil-Milied huwa li niftħu qalbna”, żied jgħid.
“Fuq kollox il-Milied huwa ż-żmien tal-ġenerożità. L-istedina tiegħi għalhekk hija li ngħinu skont kemm nistgħu, lil min hu fil-bżonn u li nirrispondu b’ġenerożità għall-Istrina u għall-ġabra tad-Dar tal-Providenza li se ssir fl-Ewwel tas-Sena”, temm jappella.