Filmat: Il-Milied għandu jkun kwiet għax in-numri se jibqgħu telgħin – Melillo

Il-konsulent tas-saħħa pubblika Dr Tanya Melillo wissiet biex in-nies ma jiltaqgħux flimkien. F’kummenti li tat lil Newsbook.com.mt, Dr Melillo qalet li ġenituri responsabbli jorganizzaw attivitajiet ġewwa d-dar tagħhom stess u mhux jorganizzaw Trick or Treat. Hi qalet li xħin tħabbat fuq il-bibien tan-nies tista’ tiġi espost għall-Covid-19.

Milied Kwiet

Iridu jiġu evitati kull forom ta laqgħat qal Dr Melillo li jinkludi kju fil-Black Friday, xiri tal-Milied, ikliet tal-Milied u dak kollu li jinvolvi gruppi ta’ nies. “Għadni ma nafx jekk hux se nistaqsi lil ommi stess għall-ikla tal-Milied,” stqarr Dr Melillo, u żied “Peress li kemm jiena u r-raġel tiegħi naħdmu u wliedi wkoll joħorġu mid-dar, ma naħsibx li għandi nesponiha għar-riskju.” Dr Melillo qalet li bin-numri fi tliet ċifri u li aktarx se jogħlew, huwa definittivament rakkomandabbli li tqatta’ Milied kemm jista’ jkun fin-nukleu tal-familja tiegħek.

Ventilazzjoni

Dr Melillo wissiet ukoll kontra x-xiri f’postijiet iffullati bħal ħwienet u f’okkażjonijiet fejn il-kjuwijiet huma twal bħall-Black Friday. Filwaqt li rrikonoxxiet li din hija tbatija, anke għaliha nnifisha, Dr Melillo ssuġġeriet ix-xiri onlajn għas-sigurtà. Hija wissiet li l-istaġun tal-influwenza dalwaqt se jkun fis-seħħ bis-sħiħ u l-ħtieġa għall-ventilazzjoni fl-uffiċini, ħwienet u djar ma tistax tiġi enfasizzata biżżejjed.

“Ilbes sew u iftaħ dawk it-twieqi”

Dr Melillo appellat biex it-twieqi jinżammu miftuħin u għalhekk għandna nippreparaw biex nilbsu sew. Dan filwaqt li żiedet tgħid li l-uffiċini għandhom minn tal-inqas jiftħu t-twieqi waqt li l-istaff ikun barra fuq il-brejk.