Filmat: “Il-midja trid tagħmel reality check” – Schembri

Is-Segretarju Parlamentari għas-Servizzi Finanzjarji Silvio Schembri f’kumment li ta lil Newsbook.com.mt qal li “l-midja trid tagħmel reality check” u kompla jgħid li ċ-ċertu stejjer li jsiru fatti u dan għalih huwa ta’ “inkwiet”. Huwa saħaq li Newsbook.com.mt huwa “attiv fir-rappurtaġġ ta’ dawn l-istejjer tara wkoll li tagħmel reality check”.

Newsbook.com.mt prova jagħmel kuntatt mas-Segretarju Parlamentari Schembri nhar il-15 ta’ Lulju kemm b’telefonata kif ukoll b’mistoqsijiet mibgħutha b’ijmejl. Is-suġġett tal-mistoqsijiet kien ir-rapport tal-Awtorità Bankarja Ewropea (EBA) li kien għadu kif ġie ippubblikat u l-konklużjonijiet tal-istess rapport dwar l-Aġenzija tal-Gvern kontra l-ħasil ta’ flus, l-FIAU. Fi Frar li għadda numru ta’ Ewroparlamentari kienu talbu lill-Awtorità Bankarja Ewropea biex tagħmel investigazzjoni formali dwar il-ksur tal-liġi tal-Unjoni, il-Bord tas-Superviżuri kkonkluda li l-FIAU kienet kisret id-Direttiva dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-ħasil ta’ flus u finanzjament tat-terroriżmu. L-EBA kienet tat 8 rakkomandazzjonijiet lill-FIAU.

Schembri saħaq li l-FIAU hi istituzzjoni indipendenti u li ħarġet stqarrija dwar ir-rapport. Huwa sostna li l-Aġenzija ma taqax taħt id-dekasteru tiegħu u għalhekk hu mhux involut. Schembri kompla jgħid li jekk hemm rakkomandazzjonijiet huwa jimmaġina li l-FIAU trid ittejjeb fuqhom. Kien f’dal-punt li huwa qal li dan juri li f’Malta hawn rispett għal-liġi, hekk kif qal li “f’Malta topera ir-rule of law”. Schembri kompla jgħid li dan ħareġ riċentament mir-rapport dwar Egrant. Huwa kompla jargumenta li l-“inkwiet tiegħu” għaliex jaħseb li l-midja għandha bżonn tagħmel reality check.

Meta mistoqsi dwar l-impatt ta’ rapport bħal dan fuq Malta, Schembri saħaq li l-industrija finanzjarja rapporti bħal dawn jiġu evalwati fid-detall iżda jgħatu kas ukoll xi tip ta’ azzjoni tkun qed tittieħed mill-Gvern u l-Awtoritajiet kkonċernati. Schembri saħaq li jekk il-Gvern jew l-Awtoritajiet jinjoraw dawn ir-rapporti fl-opinjoni tiegħu dan ikun “effett negattiv”. Is-Segretarju Parlamentari kompla jgħid li huwa d-dover tal-Awtorità li jekk ikun hemm nuqqasijiet għandhom jiġu indirizzati.