Filmat: “Il-midja tal-Knisja hi importanti fid-dinja sekulari” – Federico Lombardi

F’intervista ma’ Newsbook.com.mt, Patri Federico Lombardi, id-Direttur tal-Komunikazzjoni u tar-Radju tal-Vatikan, tkellem dwar l-importanza li l-midja tal-Knisja għandha fix-xandir tal-Evanġelju f’soċjetà sekulari. Spjega li l-valuri umani, li jinsabu fiċ-ċentru tal-messaġġ tal-Evanġelju, mhumiex għall-Insara biss, imma japplikaw għall-umanità kollha.

Għalhekk, Lombardi saħaq li x-xandir tal-messaġġ tal-Evanġelju permezz tal-mezzi tax-xandir huwa essenzjali biex jiġu protetti l-valuri u d-dinjità tal-bniedem.  Barra minn hekk fisser kif ħafna persuni li ma jħaddnux it-twemmin Nisrani huma ħerqana li jisimgħu l-messaġġi ta’ Papa Franġisku, għax jistgħu wkoll jassoċjaw magħhom.

Mistoqsi dwar il-possibilità li l-Papa Franġisku jżur Malta, Lombardi spjega li l-prijorità tal-Papa hija li jżur l-Art Imqaddsa, l-Asja u l-Afrika. Iżda ma eskluda xejn. Fakkar kif il-Papa, f’temp ta’ ftit ġimgħat ippjana vjaġġ qasir lejn Lampedusa u spjega kemm Franġisku huwa indipendenti fil-programmi personali.

Waqt konferenza li saret fl-Università l-antika fil-Belt Valletta, Patri Lombardi saħaq fuq l-importanza li l-midja għandha fil-missjoni tal-Knisja. Telaq mill-punt li l-Iskrittura tippreżenta lil Alla li jinsab dejjem f’komunikazzjoni mal-poplu tiegħu. Spjega li l-Knisja għandha r-rwol importanti li tkompli tibni l-komunità li bdiet f’Pentecoste, meta l-Appostli ħarġu jxandru t-tagħlim ta’ Ġesù.

Kien hawn li fisser kif il-Knisja “għandha missjoni biex twassal messaġġ fil-postijiet fejn jgħixu n-nies,” u għalhekk trid taħdem id f’id mal-mezzi tal-komunikazzjoni. Saħaq li l-Knisja għandha timxi maż-żminijiet u tuża l-mezzi moderni tal-komunikazzjoni bħan-networks soċjali biex tilħaq in-nies ta’ kull età, fosthom iż-żgħażagħ.  

Fit-tmiem tal-konferenza, Lombardi spjega kif persuna li taħdem fil-komunikazzjoni tista’ tkun is-Samaritan it-Tajjeb. Dan billi 'l bogħod minn kull interess personali, tkun viċin tal-persuni fis-soċjetà li huma vulnerabbli.
Intant illum Patri Federico Lombardi, f’isem ir-Radju tal-Vatikan, se jkun qed jiffirma ftehim mar-Radju Nazzjonali biex jibda jitrasmetti bil-lingwa Maltija x-xandir dirett taċ-ċelebrazzjonijiet li jsiru fil-Vatikan.