Aġġornata: Il-mexxejja Ewropej jinġabru għas-Summit: Diskussi Brexit, il-Baġit u l-immigrazzjoni

Fl-aħħar sigħat waslu fil-Kunsill tal-Ewropa bosta mexxejja minn pajjiżi differenti sabiex jibda s-summit Ewropew. Il-ġurnalist ta’ Newsbook.com.mt, Christoph Schwaiger, spjega li minbarra Brexit, il-mexxejja Ewropej, inkluż dawk Maltin se jkunu qed jiddiskutu l-baġit Ewropew u anke l-immigrazzjoni.

Il-Prim Ministru Ingliża, Theresa May, se tkun qed tiddiskuti l-istadju tal-pjan tar-Renju Unit u l-ħruġ tiegħu mill-Unjoni Ewropea mal-bqija tal-mexxejja Ewropej. Hi qalet li se tkun qed tiddibatti u tenfasizza dak li qed jinkwieta lill-Membri Parlamentari fi ħdan il-House of Commons. Il-President tal-Kunsill Ewropew, Donald Tusk sostna li wara l-briefing, il-mexxejja tal-Unjoni Ewropea se joħorġu dikjarazzjoni dwar Brexit.

Skont Reuters, għadd ta’ diplomatiċi sostnew li d-diskussjoni dwar Brexit se toffri lill-Unjoni Ewropea ċans sabiex tikkjarifika mar-Renju Unit, il-proċess dwar il-ftehim tal-ħruġ u speċifikament l-implimentazzjoni tal-isfond Irlandiż.

Filmat: Jipprotestaw fi Brussell; “Brexit jista’ jwassal għal gwerra”

Il-PM Muscat jasal għas-sessjoni tal-ftuħ tal-Kunsill Ewropew

Intant, fi stqarrija mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru Joseph Muscat, jidher li wasal għas-sessjoni tal-ftuħ tal-Kunsill tal-Ewropa. F’ritratti huwa jidher jitkellem ma’ Tusk u l-Kanċillier Ġermaniża Angela Merkel, kif ukoll mal-Prim Ministru tan-Netherlands Mark Rutte.

“Bżonn ta’ serħan il-moħħ għan-negozji b’rabtiet mar-Renju Unit” – Delia

Min-naħa tiegħu, waqt is-summit tal-Partit Popolari Ewropew (PPE) fi Brussell, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia sostna li jeħtieġ li l-Maltin u l-Għawdxin li għandhom negozju jew rabtiet kummerċjali mar-Renju Unit ikollom ftit tas-serħan il-moħħ. Sostna li minkejja l-vot li rnexxiela tirbaħ ilbieraħ il-Prim Ministru Ingliża, xorta għad fadal numru ta’ mistoqsijiet li jridu jiġu mwieġba.

Minflok Brexit il-PM Irlandiż jippreferi li sar ftehim mal-UE

Il-Prim Ministru Irlandiż Leo Varadkar, appella lill-Membri Parlamentari Ingliżi biex jittardjaw jew jeliminaw il-Brexit jekk il-ftehim ma jiġix ratifikat.

Hu qal lil Skynews li wieħed ma jistax jinsa li hija f’idejn il-Parlament u l-Gvern Ingliż biex ineħħi t-trattat u jirrevoka Artiklu 50 jew jitlob estensjoni ta’ dan l-artiklu.

Huwa qal li l-maġġoranza tal-Membri Parlamentari huma favur il-ftehim u mhux suppost għandu jkun hemm problema. Madanakollu żied ma jfissirx li kien hemm numri kbar favur.

Varadkar qal li huwa kien jippreferi li kieku l-Ingliterra għamlet ftehim mal-Unjoni Ewropea.