Filmat: Il-memorandum tat-trasferiment tal-isptarijiet ma jistax jinstab – Abela

Read in English.

Il-Prim Ministru Robert Abela qal li l-memorandum tal-ftehim għat-trasferiment tal-isptarijiet pubbliċi lill-kumpanija privata li kienet intgħażlet ma jistax jinstab.

Dan qalu l-Prim Ministru dalgħodu meta ġie mistoqsi mill-ġurnalisti.

Meta din il-ġimgħa, l-Awditur Ġenerali ppubblika r-rapport tiegħu fuq it-trasferiment tat-tliet sptarijiet lill-privat, il-Prim Ministru qal li ġie infurmat mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Awditur (NAO) li ħadd fil-Gvern ma seta’ jippprovdi dan id-dokument meta talbuh għall-investigazzjoni.

Illum il-Prim Ministru stqarr li immedjatament talab għal kopja ta’ dan id-dokument, imma ġie infurmat li huwa mitluf.

F’rapport kritiku għall-aħħar dwar it-trasferiment tat-tliet sptarijiet lil Vitals Global Healthcare (VGH), l-Awditur Ġenerali indika li l-proċess kien dubjuż, li l-Vitals kellhom jiġu skwalifikati u li kien hemm kollużjoni fil-ftehim. L-Awditur qal ukoll li attwalment ħadd ma assuma r-responsabbiltà għal din id-deċiżjoni. 

Fl-istess kummenti li għadda l-Prim Ministru, mistoqsi jekk Joseph Muscat għandux jerfa’ responsabbiltà, Abela qal li Muscat diġà ħallas għall-iżbalji li għamel meta ħallas l-ogħla prezz politiku. Huwa insista li hemm differenza fl-aġir ta’ Joseph Muscat u Konrad Mizzi, peress li dawn għandhom sitwazzjonijiet differenti. Abela insista wkoll fuq id-distinzjoni bejn Vitals Global Healthcare u Steward Healthcare.

Żied jgħid li l-konklużjonijiet tal-Awditur huma sinfikanti ħafna u aċċerta li se jitgħallem mill-iżbalji li saru fil-passat.

Filmat: Miguela Xuereb