Filmat: Il-marda ta’ binthom wasslithom biex isiru parti mill-komunità tal-MSSP

Fr Martin Cilia li jmexxi l-komunità tas-Soċjetà Missjunarja ta’ San Pawl (MSSP) irrakkonta storja ta’ koppja li l-marda li ħakmet lit-tifla tagħhom wasslithom biex jibdew jattendu l-Oratorju u eventwalment isiru parti mill-komunità.

Waqt intervista ma’ Newsbook.com.mt, Fr Martin qal li l-komunità jistħajjilha tapit b’ħafna stejjer ta’ ħafna nies peress li hi magħġuna minn stejjer varji ta’ evanġelizzazzjoni.

Irrakkonta storja partikolari meta xi snin ilu, kien hemm koppja fil-komunità li kellha tarbija bil-kumplikazzjonijiet ta’ saħħa u kellha tiġi operata. Hu żarhom l-isptar biex jidħol magħhom, u meta kien ħiereġ għajtitlu familja u qaltlu, “Father, ma’ tagħna ma titlobx?”

Spjega li kellhom tifla l-ġmiel tagħha li kellha sitwazzjoni serja ħafna. Il-komunità tal-MSSP akkumpanjat lill-familja tul din il-marda u saħansitra ħadet lit-tifla għand l-Arċisqof. Eventwalment, it-tifla mietet, imma l-familja baqgħet tattendi l-Oratorju u saret parti mill-komunità.

Il-qassis qal li tifel marid, f’mument ta’ talb, irnexxielu jevanġelizza koppja oħra. Qal li għal min ma jemminx din tkun biss kumbinazzjoni, iżda għal dawk li jemmnu hi sinjal tal-providenza t’Alla.

Fr-Martin-Cilia-MSSP

Żied jgħid li jixtieq li l-ktieb li qed tippubblika l-komunità dwar l-evanġelizzazzjoni, bl-isem Living Stones, jkun bħal dak it-tifel marid, u juri li r-realtà ta’ Knisja hi possibbli, anke fid-dinja tal-lum.

Min jixtieq jixtri l-ktieb Living Stones jista’ jagħmel dan minn hawnhekk.

Filmat: Miguela Xuereb