Filmat: Il-mara li qattgħet 20 sena fil-laboratorji tal-isptar

Marion Rizzo għamlet mal-20 sena taħdem fil-laboratorji tal-isptar, tanalizza l-kampjuni tal-pazjenti. Lejn l-aħħar tal-karriera tagħha spiċċat tmexxi l-Isptar ta’ San Luqa u dak ta’ Mater Dei.

Ma’ Newsbook.com.mt Rizzo qalet li bdiet il-ħidma tagħha fis-sezzjoni tal-clinical chemistry fejn qalet li kollox kien isir b’mod manwali. Ix-xogħol kien jinvolvi l-analiżi ta’ kull taħlita li tkun saret bejn il-kampjun tal-pazjent u l-kimiċi neċessarji għat-test. Ir-riżultati kienu jitkejlu wieħed wieħed u kienu jinħarġu wkoll b’mod manwali.

“Għalkemm kien hemm l-eluf, kull test ifisser pazjent”

“Għalkemm kien hemm l-eluf, kull test ifisser pazjent,” qalet Rizzo. Żiedet tgħid li meta wieħed iżomm dan f’moħħu, lanqas jażżarda jteptep għajnejh għal sekonda.

Spjegat li maż-żmien l-affarijiet inbidlu u meta n-numri kienu suffiċjenti ġew introdotti magni li jagħmlu x-xogħol b’mod awtomatiku. Dan ġab miegħu vantaġġi fil-ħin li għandhom bżonn it-testijiet u anke żieda dwar kemm huma affidabbli.

Għalkemm il-magni jagħmlu l-maġġoranza tax-xogħol, xorta huwa importanti li jsiru programmi ta’ kontroll fuq il-kwalità. Dan biex jiġi żgurat li r-riżultati huma validi.

Rizzo kienet ukoll waħda mill-kelliema fil-konferenza oganizzata mill-Assoċjazzjoni Maltija tal-Biomedical Scientists (MABS).

Rizzo qalet li fl-antik kien hemm ftit ħaddiema biss u li ma kinitx l-ewwel darba li kienet tkun l-unika waħda taħdem fis-sezzjoni sħiħa. Spjegat kif id-dipartiment tagħhom kien l-ewwel wieħed li qatt ġie attrazzat b’computer fis-servizz tas-saħħa.

Qalet ukoll li kien hemm ħbiberija kbira bejn il-kollegi meta kienet taħdem fil-laboratorji. Qalet li mhux biss kien team tajjeb fuq il-post tax-xogħol imma kienu anke jorganizzaw ikliet u xi weekend f’Għawdex.

‘Jekk tingħata xogħol sempliċi, ħudha bħala opportunità biex titgħallem’

Rizzo kellha wkoll pariri għall-ħaddiema tal-lum. Appellat lin-nies biex anke jekk jingħataw xi ħaġa x’jagħmlu li tidher templiċi, għandhom jużawha bħala opportunità biex jigħallmu. Qalet li wieħed dejjem għandu jara kif jista’ jagħmel titjib f’xogħlu. “Dejjem għandek tħalli l-post tax-xogħol tiegħek aħjar milli sibtu,” qalet Rizzo.

Rizzo eventwalment laħqet il-manager tad-Dipartiment tal-Patholoġija. Wara marret taħdem mal-Fondazzjoni għas-Servizzi Mediċi (FMS) saket imbagħad saret il-Kap Eżekuttiv tal-Isptar San Luqa u mill-2007 sal-2011 ta’ Mater Dei.

Rizzo rringrazzjat lil dawk kollha li llum il-ġurnata qed jaħdmu fil-laboratorji tal-isptar. Irringrazzjat ukoll lil dawk li kienu jaħdmu hemm fil-passat u li telqu matul is-snin.

Fl-2016, Newsbook.com.mt kien iltaqa’ ma’ Patricia Brincat li wkoll taħdem fil-laboratorji ta’ Mater Dei. Jekk dħalt l-isptar Mater Dei u ħadulek kampjun tad-demm, hemm ċans kbir li dan għadda minn taħt idejha jew idejn it-tim tagħha. Tista’ taqra aktar dwarha minn hawn.

Għal aktar informazzjoni dwar l-Assoċjazzjoni Maltija tal-Biomedical Scientists, tista’ tiħdol hawn.

Filmat: Christoph Schwaiger