Filmat: “Il-Maltin qed jinsterqu bil-kuntratt mal-Vitals u issa ma’ Steward” – UĦM

Read in English.

Il-Kap Eżekuttiv tal-UĦM Voice of the Workers Josef Vella qal li l-Maltin qed jinsterqu bil-kuntratt tal-Gvern mal-Vitals u issa ma’ Steward minħabba l-isptarijiet ta’ San Luqa, Għawdex u Karen Grech.

Vella stqarr li huwa komdu jsejjaħ dan il-ftehim bħala “serqa lill-poplu Malti” peress li huwa jmexxi unjin li meta tiġi biex tinnegozja mal-Gvern f’isem il-ħaddiema tas-saħħa, ir-risposta tal-Gvern tkun li m’għandhomx flus. Vella spjega li dan hu r-riżultat tal-għażla tal-Gvern li jagħti konċessjoni lill-kumpanija privata ta’ €70 miljun fis-sena.

“Serqa lill-poplu Malti”

Vella staqsa jekk il-Gvern hux qed jilleġittimizza l-kuntratt tal-Vitals peress li sar it-tieni kuntratt mal-kumpanija Steward Health Care. Huwa spjega kif dan il-każ hu simili għal meta xi ħadd jisraq u meta jiġi biex ibiegħ b’mod legali, l-ewwel serqa tiġi maħfura.

Stqarr li l-logħob li qed isir minn kuntratt għall-ieħor qed isir biex it-tbabis li kien sar jibqa’ hemmhekk. Spjega wkoll li l-konċessjonijiet li ngħataw lil Vitals fl-ewwel kuntratt qiegħdin ukoll għand Steward peress li dawn għaddew bil-kuntratt li sar.

Vella qal li l-istess nies li kienu jaħdmu fil-Vitals baqgħu jaħdmu ma’ Steward u semma l-eżempju ta’ Direttur li filli kienet ma’ Vitals u baqgħet Direttur taħt Steward.

Ir-rapport tal-Awditur Ġenerali

Fil-programm Newsbook Hour, id-diskussjoni saret ukoll dwar ir-rapport tal-Awditur Ġenerali li fih skont Vella jagħti ċertifikat li x’ħin taqra r-rapport ma jħallilek l-ebda dubju li l-ftehim sar ħażin. Fakkar kif il-UĦM qatt ma ffirmaw ftehim mal-Vitals peress li qatt ma raw il-kuntratt sħiħ.

Fr Joe Borg staqsa dwar is-sejba tal-ftehim li kien sar bejn il-Gvern u l-Vitals (Memorandum of Understanding). Vella spjega kif għalkemm dan il-ftehim inżamm mistur u nstab biss x’ħin il-Prim Ministru Robert Abela staqsa għalih, l-Awditur Ġenerali qal li ma kien se jibdel xejn mill-konklużjonijiet tiegħu. Fost il-konklużjonijiet tar-rapport tal-NAO, l-Awditur jgħid li Vitals Global Healthcare kellha tiġi skwalifikata milli tibbidja biex tieħu l-isprtarijiet f’idejha. L-Awditur għamilha ċara li qabel ma ħareġ it-tender kien hemm diġà arranġament mal-Gvern biex jieħdu l-proġett. Vella spjega li dan juri li dak li ġara wara kienet kollha ‘messa in scena’ għaliex kienu jafu minn qabel x’se jkunu l-kundizzjonijiet.

Minn xahar għal xahar qed isir taħwid fil-pagi tal-ħaddiema

Josef Vella żvela wkoll li Steward bidel is-sistema tal-pagi u dan it-tibdil wassal għal tgerfix fil-payslips. Fisser kif xi ħaddiema filli kellhom jieħdu u fix-xahar ta’ wara deher li kellhom jagħtu l-flus lura lill-kumpanija.

Fl-istess programm, Josef Vella ħabbar li l-UĦM se tkun qed titlob laqgħa mal-Prim Ministru Robert Abela biex tinforza d-djalogu soċjali qabel ma jkollha tittieħed azzjoni industrijali dwar il-coronavirus.